Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI

pr230977
Date Icon 23/06/2023

Għaxar pajjiżi tal-WestMED f’laqgħat ministerjali f’Malta biex ifasslu pjan għat-tranżizzjoni sostenibbli fl-industrija marittima u l-ekonomija blu, għal aktar kummerċ u impjiegi ta’ kwalità

Opportunitajiet ta’ xogħol, niċeċ ekonomiċi ġodda, is-sostenibbiltà tal-industrija marittima u t-tisħiħ tal-ekonomija blu kienu fiċ-ċentru ta’ diskussjonijiet f’Malta waqt summit tal-WestMED taħt il-Presidenza Maltija, fejn għaxar pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran adottaw dikjarazzjoni li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom u tipprepara l-industrija marittima għas-snin li ġejjin.

Matul l-aħħar jiem, rappreżentanti minn għaxar pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran kienu f’Malta għal djalogu formali dwar it-tisħiħ tal-ekonomija blu. Malta, flimkien mal-Mawritanja, bħalissa għandha l-Presidenza tal-WestMED - forum iffukat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni fuq l-ekonomija blu -  u pajjiżna huwa responsabbli biex imexxi ’l quddiem id-diskussjonijiet u l-laqgħat tal-WestMED.

Permezz tad-dikjarazzjoni, dawn l-għaxar pajjiżi qed jintrabtu li se jaħdmu flimkien biex jilħqu numru ta’ tragwardi importanti fuq 11-il punt ta’ azzjoni, li jvarjaw mit-tkattir ta’ aktar impjiegi u t-tisħiħ tal-ħiliet fl-ekonomija blu, is-sostenibbiltà u l-użu tat-teknoloġija għat-titjib ta’ din l-industrija. 

Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, li taħtu jaqa’ s-settur tal-ekonomija blu, flimkien mas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Godwin Mifsud.

Din il-konferenza ġabret esperti mill-għaxar pajjiżi biex jiddiskutu l-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli u jibnu aktar fuq is-suċċess ta’ inizjattivi li diġà ttieħdu mill-WestMED. Intant, huma ntrabtu biex fiż-żmien li ġej, apparti l-ħames oqsma ewlenin li diġà qed jaħdmu fuqhom, jespandu l-kooperazzjoni tagħhom fuq sitt oqsma ġodda li jinkludu s-sostenibbiltà, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti li jtejbu s-settur u s-sigurtà marittima. 

Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni qed testendi stedina lill-partijiet interessati biex jimpenjaw ruħhom fuq bażi volontarja mal-missjoni tal-UE ‘Restore Our Ocean and Waters’ u ‘Adaptation to Climate Change’.

Il-Ministru Farrugia tenna l-impenn ta’ Malta għal din id-dikjarazzjoni filwaqt li enfasizza li pajjiżna qed jinvesti bi sħiħ biex tkompli tissaħħaħ l-industrija marittima li tiġġenera eluf ta’ impjiegi f’pajjiżna u tikkontribwixxi sostanzjalment lejn il-prodott gross domestiku tal-pajjiż. 

“Bħala pajjiż qed ninvestu f’infrastruttura li tħejji lil pajjiżna għall-isfidi preżenti u dawk tal-futur, tant biex pajjiżna jkun future proof, filwaqt li t-tranżizzjoni li jeħtieġ nagħmlu biex inkunu aktar sostenibbli tkun waħda li toffrilna opportunitajiet ġodda. Bħala xhieda ta’ dan hemm il-pjan ta’ ħames snin għall-Port il-Kbir b’investiment ta’ €180 miljun. Malta mhux biss tilqa’ din id-dikjarazzjoni li se ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-Mediterran, iżda se nkunu katalista biex nixprunaw ’il quddiem u nagħtu sens ta’ tmexxija biex nagħmlu suċċess minn dan is-summit f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Għal dan is-summit f’Malta pparteċipaw Franza, l-Italja, il-Portugall, Spanja, l-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow