STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA: Il-Gvern se jsaħħaħ l-emenda tal-Kodiċi Kriminali sabiex titħares ħajjet u saħħet l-omm waqt it-tqala
Il-Gvern se jipproponi emenda fuq it-test oriġinarjament imressaq tal-Artikolu 243B tal-Kodiċi Kriminali, quddiem il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi, bil-għan li tiġi ċċarata l-intenzjoni tal-leġislatur. Dak li jipproteġi lill-mara tqila u professjonist f’każijiet fejn l-omm, minħabba kumplikazzjoni medika tkun qiegħda f’riskju li titlef ħajjitha u kif ukoll fejn saħħet il-mara tqila tkun f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt.
Din l-emenda tħabbret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt konferenza tal-aħbarijiet.
L-emenda se titlob kunsiderazzjonijiet differenti skont iċ-ċirkostanza li wassal għall-intervent:
1. Ħajjitha f’riskju: L-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali hija bbażata fuq il-ħtieġa immedjata li professjonist mediku jintervjeni u jieħu dawk il-passi neċessarji minnufih biex isalva l-ħajja tal-mara tqila li jkollha ħajjitha f’riskju u li jekk dak l-intervent ma jsirx, il-mara u per konsegwenza anke l-fetu jitilfu ħajjithom.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, it-tabib għandu jistabbilixxi li l-fetu ma jkunx laħaq iż-żmien ta’ vijabilità qabel isir l-intervent. Jekk ikun laħaq iż-żmien ta’ vijabilità, l-intervent isir biex jitwelled.
2. Saħħet il-mara f’periklu gravi li jista’ jwassal għall-mewt: B’differenza, f’din iċ-ċirkostanza filwaqt li għad hemm ukoll in-neċessità għaliex tista’ tintilef ħajjet l-omm iżda m’hemmx l-immedjatezza, l-artikolu l-ġdid propost qed jistabbilixxi numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi, oltre l-kundizzjonijiet ġenerali, li jridu jiġu osservati:
Tim mediku kompost minn tliet tobba, reġistrati bħala speċjalisti mal-Kunsill Mediku taħt l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, li tnejn minnhom ikunu ostetriċi jew ġinekoloġi u li wieħed minnhom ikun l-ostetriku li jwettaq l-intervent, u t-tielet tabib ikun speċjalista fil-kundizzjoni li minnha l-mara tqila tkun qiegħda tbati, iridu jikkonfermaw li:
a) il-fetu ma jkunx laħaq il-vijabilità u ma jkunx jista’ jitwelled skont l-istandards tal-professjoni medika; u
b) l-intervent mediku jitwettaq biss wara li t-tim mediku jkun ikkonferma n-neċessità tal-intervent, u
c) l-intervent mediku jitwettaq fi Sptar Liċenzjat u li jkollu l-faċilitajiet neċessarji biex jitwettaq l-intervent mediku meħtieġ.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif wara l-proċess tat-tieni qari l-Gvern ipparteċipa f’diskussjonijiet mal-istakeholders fis-settur, inklużi esperti mediċi, legali u attivisti b’opinjonijiet differenti. Huwa saħaq li sabiex il-Gvern jilħaq l-għanijiet imsemmija fl-emenda, filwaqt li jagħti serħan il-moħħ, ittieħdet id-deċiżjoni li l-emenda tkun iċċarata iżjed. Il-Ministru Fearne speċifika li l-eżenzjoni mir-responsabbiltà kriminali tapplika biss jekk kemm-il darba, il-professjonist mediku, qabel jipproċedi bit-terminazzjoni tat-tqala, ikun assigura ruħu li m’hemmx possibbiltà medika oħra skont il-prattiċi mediċi kurrenti f’Malta. Dan filwaqt li spjega li l-emenda l-ġdida tiċċara wkoll l-intenzjoni li dejjem kienet preżenti għall-Gvern, li jekk ikun intlaħaq iż-żmien tal-vijabilità, jiġifieri l-fetu jista’ jsalva barra ġuf l-omm, it-tarbija titwelled.
“Din hija emenda favur il-ħajja li se tħalli lill-professjonisti tagħna jagħmlu xogħolhom skont is-sena tagħhom, se tagħti serħan il-moħħ lin-nisa tqal u l-familji tagħhom u se tipprevjeni l-abbuż. Din hija emenda li se ssalva l-ħajjiet,” sostna d-Deputat Prim Ministru Fearne.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ta sfond legali tal-emendi mill-Gvern biex tkun protetta ħajjet u saħħet l-omm. “Jekk mara għandhiex dritt tgħix jew le, mhijiex kwistjoni ta’ opinjoni politika. Il-bidla fil-liġi hemm bżonnha u se sseħħ,” stqarr il-Ministru Attard.
Il-Ministru Jonathan Attard qal li l-poplu jista’ jserraħ moħħu li għandu Gvern li ma jibżax mill-bidla, speċjalment meta din il-bidla tkun maħsuba biex iġġib ġustizzja soċjali, bħalma huma dawn l-emendi li jipproteġu lil ħajjet u saħħet l-omm u jagħtu serħan il-moħħ lil kulħadd.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en
pr230974a.pdf