STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR Inawgurata binja ġdida li ser tospita l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji
“Il-missjoni aħħarija tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji hija li jissalvagwardja u jsaħħaħ is-Settur tal-Volontarjat bħala pilastru ewlieni fis-soċjetà u l-ekonomija.” Dan qalitu l-Ministru Julia Farrugia Portelli meta inawgurat il-binja ‘Bl-Oħla Dawl Libbist’, il-binja ġdida li se tospita l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO) f’Blata l-Bajda.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li f’konformità mal-wegħda elettorali, illum l-OCVO mhuwiex sempliċiment uffiċċju regolatorju. Kompliet tispjega li biex dan l-uffiċċju jissalvagwardja u jagħti s-setgħa lis-settur saret riforma li wasslet biex dan l-uffiċċju llum huwa organizzazzjoni li joffri servizzi aktar wiesgħa għas-settur filwaqt li jżomm ir-rwol regolatorju tiegħu.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju huwa wkoll responsabbli li jkun sieħeb soċjo-ekonomiku sabiex ikun jista’ jwassal benefiċċji soċjali, ċivili u komunitarji. Dan isir billi tingħata aktar viżibilità lis-settur tal-volontarjat kif ukoll billi tkun garantita t-trasparenza u l-kontabilità tal-organizzazzjonijiet volontarji fit-twettiq tax-xogħol importanti tagħhom.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li bħala l-korp regolatorju ewlieni tas-settur, l-OCVO għandu awtonomija sħiħa biex jinforza l-governanza tal-organizzazzjonijiet volontarji billi jagħmel monitoraġġ u jissorvelja l-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jappoġġjahom, billi jsaħħaħ u jipproteġi l-funzjoni tal-volontarjat li twassal għall-kisba tal-ġid aħħari akbar u komuni.
“Minkejja l-awtonomija ta’ dan l-uffiċċju, il-kollaborazzjoni stretta mal-Uffiċċju Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u anke mal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru jintlaħaq l-għan li nħarsu l-ġid komuni,” tenniet il-Ministru Farrugia Portelli.
Waqt il-proċess ta’ ristrutturar ta’ dan l-uffiċċju, ġew imwaqqfa direttorati ġodda, funzjonijiet u proċessi ġodda li ħa jżommu l-organizzazzjonijiet volontarji fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom. Għaldaqstant, bħala parti minn din ir-riforma, il-ħaddiema fl-OCVO se jibbenefikaw ukoll minn: żieda fil-paga; rwoli aktar definiti b’nomenklaturi li jaqblu mal-mod ta’ ħidma tagħhom; aktar spazju għat-tkabbir tal-karriera biż-żieda ta’ gradi ġodda; żieda fin-numru ta’ salary steps għal aktar avvanz fl-istess grad; u introduzzjoni tal-allowance tal-kwalifiki.
Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat ukoll li fil-kuntest tar-riforma li saret f’dan l-uffiċċju, kompla t-tisħiħ tan-nisa fuq il-post tax-xogħol. Hija sostniet li aktar minn nofs il-ħaddiema li għandhom grad maniġerjali f’dan l-uffiċċju huma nisa. L-uffiċċju għandu wkoll miżuri ta’ appoġġ għall-ħaddiema kollha biex dawn ikunu jistgħu jilħqu bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji Jesmond Saliba tenna l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, fejn b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, jara li s-settur ikun salvagwardjat u msaħħaħ. F’dan il-kuntest huwa spjega li ġew żviluppati diversi kunċetti bħall-Intent u l-Pre-Enrolment fl-istadju ta’ qabel organizzazzjoni tiskrivi ruħha.
Kunċett ieħor żviluppat kien l-Interregulatory Liaision, li fost funzjonijiet oħra, iservi wkoll bħala funzjoni ta’ ‘one-stop-shop’ għall-organizzazzjonijiet volontarji, biex titnaqqas il-burokrazija għalihom u tiżgura wkoll li jkunu stabbiliti standards xierqa kif meħtieġ mill-OCVO u regolaturi oħra kif applikabbli.
Is-Sur Saliba temm jgħid li għadu kif wasal fi tmiemu proċess estensiv ta’ analiżi tal-organizzazzjonijiet volontarji, fejn qed jiġu klassifikati fil-kuntest tal-ħidma u l-operat tagħhom, sabiex jingħata servizz u appoġġ xieraq li jkun ‘tailor-made’ għalihom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en