Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Aċċenn fuq it-tijib fl-aċċess għall-mediċini fi swieq żgħar waqt żjara uffiċjali tal-Kummissarju Kyriakides f’Malta

pr230927
Date Icon 16/06/2023

In-nuqqas ta' mediċini fl-Unjoni Ewropea u t-titjib fl-aċċess għall-mediċini innovattivi madwar l-Unjoni kollha, partikolarment fi swieq żgħar bħal Malta, kienu fiċ-ċentru tad-diskussjoni bejn id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Ikel, Stella Kyriakides, waqt iż-żjara uffiċjali tagħha f'Malta.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne laqa' l-ħidma tal-Kummissarju sabiex jiġu indirizzati dawn il-problemi u esprima l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-proposti leġislattivi adottati reċentament mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi aġġornat il-qafas farmaċewtiku. Fost l-oħrajn, l-għan ta' dawn il-proposti huwa li jitjieb l-aċċess għall-mediċini madwar l-UE u li jinħoloq suq komuni tal-farmaċewtika fl-Unjoni.

Chris Fearne sostna li “Għall-benefiċċju tal-pazjenti kollha fl-UE, huwa essenzjali li jitkissru l-ostakli attwali fis-suq intern. Id-direzzjoni l-ġdida tal-proposti tal-Kummissjoni, fejn l-inċentivi għall-mediċini innovattivi huma marbuta mal-aċċess għall-pazjenti fl-Istati Membri kollha, tmur fit-triq it-tajba u għandha tkun il-bażi ta' negozjati futuri."

Il-Kummissarju Kyriakides u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qablu wkoll li għal titjib fl-aċċess għall-mediċini jeħtieġ ukoll ħidma li tmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni proposta u li tista' tkunu indirizzata aħjar permezz ta' inizjattivi kkoordinati fost l-Istati Membri.

Il-Kummissarju Stella Kyriakides sostniet li “Malta ilha tappoġġja bi sħiħ il-viżjoni tagħna ta' European Health Union sa mill-bidu. Malta kienet eżemplari fil-mod kif tmexxiet waqt il-pandemija tal-COVID-19, u kienet ukoll sieħeb ewlieni fuq livell Ewropew. Nixtieq nirringrazzja lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għal dan, u ninsab kuntenta li llum ħabbatna l-fehmiet tagħna fuq numru t' inizjattivi, inkluż il-bżonn li jinħoloq suq ewlieni għall-mediċini li jipprovdi aċċess ugwali u fil-pront għaċ-ċittadini. Ninsab ħerqana sabiex din il-kooperazzjoni b'saħħitha bejnietna tissokta fiż-żmien li ġej."

Tul iż-żjara f'Malta l-Kummissarju Ewropew żaret ukoll il-kumpaniji Medichem u Combino Pharm, akkumpanjata mid-Deputat Prim Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru, kif ukoll il-Kummissarju Ewropew, ipparteċipaw ukoll fil-konferenza annwali tal-Medicines for Europe li ġiet organizzata f'Malta, li ffukat fuq l-azzjonijiet ewlenin meħtieġa sabiex tinbena Ewropa aktar b'saħħitha permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea tal-farmaċewtika kif ukoll tal-istrateġija industrijali aġġornata. Waqt l-intervent tiegħu f'din il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru saħaq li l-pazjenti għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-istrateġija farmaċewtika u tal-inizjattivi tal-industrija. Huwa ħeġġeġ lill-assoċjazzjoni Ewropea sabiex tikkunsidra d-diffikultajiet għall-aċċess għall-mediċini li jaffaċċjaw l-Istati ż-żgħar, sabiex b'metodi prattiċi din l-isfida tiġi indirizzata.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Aċċenn fuq it-tijib fl-aċċess għall-mediċini fi swieq żgħar waqt żjara uffiċjali tal-Kummissarju Kyriakides f’Malta
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Aċċenn fuq it-tijib fl-aċċess għall-mediċini fi swieq żgħar waqt żjara uffiċjali tal-Kummissarju Kyriakides f’Malta
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

More Press Releases Right arrow