STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Faċilità ġdida għall-irkupru tal-iskart se tnaqqas l-iskart li jispiċċa fil-miżbla
Tiġi inawgurata Multi-Material Recovery Facility ta' €20 miljun
Tipi ta' skart differenti li qabel kienu jispiċċaw fil-miżbla issa se jiġu pproċessati u użati mill-ġdid permezz tal-ftuħ ta' Multi-Material Recovery Facility (MMRF), b'investiment ta' €20 miljun mill-WasteServ.
Il-faċilità, parzjalment iffinanzjata mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020, ġiet inawgurata llum mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent Virginijus Sinkevičius.
L-MMRF, li jinsab f'Ħal Far, huwa ddisinjat biex jaċċetta flussi ta' skart bħall-injam, saqqijiet, polystyrene, tajers u tessuti. Permezz ta' din il-faċilità se jkunu qed jiġu trattati ċerti materjali biex jerġgħu jiġu introdotti fl-ekonomija ċirkolari kif ukoll se tkun qed tippermetti l-esportazzjoni tal-istess materjali b'inqas impatt fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-faċilità se sservi bħala faċilità għall-ħażna tal-iskart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) li l-Wasteserv tirċievi fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff.
Akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv ta' WasteServ Richard Bilocca, il-Kummissarju Ewropew, il-Ministru Dalli u s-Segretarju Parlamentari Bonett kellhom l-opportunità li jżuru din il-faċilità qabel ma' indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet.
“Illum huwa jum sinifikanti għas-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f'Malta, hekk kif qed inkomplu nistabbilixxu sistema sostenibbli tal-immaniġġjar tal-iskart li tippromwovi s-separazzjoni tal-iskart u tinkoraġġixxi l-użu mill-ġdid tal-materjali. Dan il-Gvern huwa kommess li jibqa' jaħdem fuq is-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart bi prijorità, bil-għan li nilħqu l-miri tagħna sabiex niżguraw ekonomija ċirkolari u inqas skart fil-miżbliet," qalet il-Ministru Dalli.
Spjegat ukoll li dan l-investiment jikkumplimenta l-investiment ta' €500 miljun li għaddej bħalissa fil-Kumpless ECOHIVE. Dan il-kumpless se jkun qed jinkludi faċilitajiet ġodda għall-ipproċessar tal-iskart, u li se jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tal-pajjiż f'dan il-qasam.
Il-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevičius stqarr; “Ninsab kuntent nara li l-fondi Ewropej qed jiġu utilizzati biex jgħinu lil Malta fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Din il-faċilità se tirritorna eluf ta' tunnellati ta' materjal riċiklabbli ta' kwalità tajba lura fl-ekonomija. Inħares 'il quddiem għal aktar proġetti ffukati biex jitnaqqas l-iskart li jintrema fil-miżbliet."
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega kif dan l-investiment ta' €20 miljun, parzjalment iffinanzjat mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, huwa xhieda ta' x'jista' jinkiseb meta jingħaqdu r-responsabiltà u l-innovazzjoni.
“L-MMRF huwa investiment fl-ambjent, fis-saħħa u fil-futur tagħna. Jissimbolizza l-impenn li għandu dan il-gvern li flimkien mal-użu tal-Fond tal-Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea ninvestu f'proġetti li jwittu triq għall-futur tal-ġenerazzjonijiet ta' warajna. Kommess li naħdmu id f'id sabiex bl-għajnuna ta' fondi Ewropej l-għanijiet ta' dan il-proġett jirriflettu l-isforzi tagħna biex inkunu innovattivi u responsabbli fil-ħidma u nagħmlu qabżiet kbar 'il quddiem fis-sostenibbiltà," stqarr Dr Bonett.
Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju żar ukoll wieħed mir-Reuse Centres. Permezz ta' dawn il-faċilitajiet, li jinsabu f'Malta u Għawdex, madwar 10,000 oġġett ingħataw ħajja ġdida minflok spiċċaw fil-miżbla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en