STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Konsultazzjoni pubblika dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija f'binjiet ġodda u binjiet li jiġu rinovati
Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni qed jippubblikaw abbozz aġġornat ta' dokument għal konsultazzjoni pubblika, magħruf bħala “Dokument F", li jistipula x'inhuma ir-rekwiżiti minimi biex binjiet ġodda u binjiet li jkunu qed jiġu rinovati jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Id-dokument il-ġdid li qed jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika se jissostitwixxi dak eżistenti u għandu jservi bħala gwida għal professjonisti, kuntratturi u operaturi fil-qasam tal-kostruzzjoni biex jagħrfu x'inhuma l-obbligi tagħhom dwar l-effiċjenza enerġetika rikjesta.
Malta hija kommessa li tilħaq il-miri Ewropej dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju. Għaldaqstant, il-proposti f'dan id-dokument qed jindirizzaw il-miri mitluba skont il-European Green Deal u għandhom l-għan li jservu bħala gwida biex iwasslu għal binjiet b'emissjonijiet żero jew kważi żero. Dan irid isir billi jitnaqqas l-użu tal-enerġija fil-binjiet eżistenti u jiġu installati pannelli solari fuq il-binjiet ġodda kollha u ċertu binjiet li jkunu qed jiġu rinovati.
Id-“Dokument F" il-ġdid ser jinkorpora sett ġdid ta' rekwiżiti minimi ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija li jridu jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla. Id-dokument propost jinsab fuq https://bca.org.mt/technical-document-f/ u https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0024-2023.aspx. Is-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll permezz ta' email: consultation.construction@gov.mt. Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sas-26 ta' Lulju 2023.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en