STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Imniedi Direttorat għall-Kura tad-Dimensja
Il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva waqqaf Direttorat għall-Kura tad-Dimensja li se jkun inkarigat biex jissorvelja u jikkoordina l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali attwali u futuri, li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni bid-dimensja u tal-persuni li jieħdu ħsiebhom. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela.
Ġie spjegat li fl-2015, Malta nediet l-ewwel Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja bl-isem 'Empowering Change' fejn persentaġġ għoli ta' din l-istrateġija diġà ġie implimentat. Id-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja se jkun qed jaħdem b'mod kollaborattiv ma' NGOs, mas-settur privat u ma' servizzi volontarji biex tkompli l-implimentazzjoni effettiva ta' din l-istrateġija. Dan sabiex ikompli jingħata servizz ta' kwalità u jkompli jiżdied l-għarfien dwar din il-kundizzjoni.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-effetti tad-dimensja huma konsiderevoli u saħansitra jistgħu jkunu devastanti. Irrimarka li l-viżjoni ta' dan id-direttorat ġdid hija li persuni li jgħixu b'din il-kundizzjoni u dawk il-persuni li jieħdu ħsiebhom, jirċievu kull appoġġ u servizz li jeħtieġu. “Kommessi li nkomplu nkunu ta' għajnuna bil-fatti biex niggarantixxu d-dinjità ta' kull ċittadin," tenna l-Ministru Abela.
Id-direttorat se jkun qed jirrevedi s-servizzi attwali li qed jiġu offruti għall-persuni bid-dimensja, bħal-Linja Nazzjonali tad-Dimensja (1771), id-Dementia Intervention Team u d-Dementia Activity Centres, sabiex dawn jagħtu l-aħjar servizz possibbli. Id-direttorat se jkun qed jaħdem ukoll sabiex ikun hawn aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni u r-riskji relatati, kemm għal dawk li jieħdu ħsieb il-familja tagħhom fil-komunità kif ukoll għal dawk li jaħdmu fil-kura ta' din il-kundizzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, sostna l-importanza tat-twaqqif ta' dan id-direttorat fi ħdan l-aġenzija li permezz tiegħu l-kundizzjoni tad-dimensja se tibqa' tiġi indirizzata b'impenn kbir.
Wieħed jista' jikkuntattja lid-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja billi jibgħat imejl fuq dcd.aacc@gov.mt jew billi jċempel fuq 22788900.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en