STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Il-Ministru Ian Borg iżur it-Training Institute on Migration Capacity Partnership for the Mediterranean
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg għamel żjara ta' kortesija lit-Training Institute on Migration Capacity Partnership for the Mediterranean (MCP Med TI).
Il-Ministru Borg ġie muri l-faċilitajiet li joffri l-Istitut tat-Taħriġ u ltaqa' mas-Sur Julien Simon, Kap tal-Uffiċċju Reġjonali għall-Mediterran taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika tal-Migrazzjoni (ICMPD), is-Sur Adrian Cooper, il-Kap tal-Istitut, u l-ħaddiema tal-Istitut. Huma ddiskutew il-kisbiet ewlenin tal-Istitut tat-Taħriġ sal-lum kif ukoll il-viżjoni fit-tul tal-istess Istitut.
Il-Ministru Borg stqarr li Malta hi kburija li mexxiet din l-inizjattiva bħala promotur ta' sħubija ta' benefiċċju reċiproku u ta' bidla pożittiva fil-Mediterran flimkien mal-ICMPD u msieħba oħra. Bħalissa, f'dan l-istitut qed isiru aktar minn 20 kors li huma akkreditati mal-Malta Further & Higher Education Authority u li jsiru minn professjonisti speċjalizzati mill-istess reġjun fejn qed isir l-istess taħriġ. Il-Ministru Borg tenna l-appoġġ kontinwu ta' Malta għall-ICMPD, b'mod partikolari għall-Istitut tat-Taħriġ.
Is-Sur Simon irringrazzja lill-Ministru Borg għal din iż-żjara fejn seta' jara personalment il-ħidma li qed issir biex il-viżjoni komuni tal-ICMPD u Malta tiġi implimentata.
L-Istitut tat-Taħriġ huwa ffinanzjat minn Malta, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Unjoni Ewropea u jinsab il-Furjana.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en