STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Il-Ministru Byron Camilleri jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, attenda għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fil-Lussemburgu. Il-laqgħa ffukat fuq l-immigrazzjoni u l-ażil, primarjament fuq ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Immigrazzjoni u r-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil, żewġ pilastri fundamentali tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f'Settembru 2020.
Il-Ministru Camilleri saħaq li s-sitwazzjoni u l-vulnerabbiltajiet ta' Malta huma differenti minn dawk tal-istati membri l-oħra. Filwaqt li n-numri ta' wasliet irregolari u responsabbiltajiet huma ta' piż għal kull stat membru, għal Malta huma akbar minħabba ċ-ċokon tagħna.
Huwa saħaq li għaldaqstant l-aħjar prinċipju f'din id-deċiżjoni huwa li jkollna moħħna mistrieħ li jekk niġu f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn l-għajnuna, din mhux biss tkun disponibbli imma li l-bżonnijiet tagħna jiġu indirizzati b'mod sħiħ. Huwa saħaq li b'dan it-test, sfortunatament, ma kienx hemm dan is-serħan tal-moħħ.
Il-Ministru Camilleri saħaq li japprezza d-diffikultà sabiex jinstab kompromess li fih jiġi indirizzat it-tħassib ta' kull stat membru f'dan ir-rigward. Saħaq li jifhem li diversi stati membri għandhom problema b'movimenti sekondarji, iżda sabiex dan jiġi evitat, jeħtieġ isir sforz kollettiv biex il-wasliet irregolari jonqsu. Huwa sostna li Malta ħadmet, u ser tkompli taħdem, kemm fuq il-parti esterna, kif ukoll fuq dik interna, sabiex iżżomm il-wasliet irregolari f'numri baxxi. Il-wasliet ta' Malta huma primarjament mil-Libja, u qegħdin kontinwament ninvestu f'relazzjoni li tagħti l-frott, filwaqt li qed isir sforz qawwi biex min ma jikkwalifikax għall-ażil u jabbuża mis-sistema, ma jibqax f'pajjiżna u jiġi rritornat lejn il-pajjiż ta' oriġini tiegħu. Huwa saħaq li filwaqt li fl-aħħar ftit żmien in-numru ta' wasliet irregolari lejn xtutna kienu baxxi, Malta tibqa' vulnerabbli minħabba ċ-ċokon u l-pożizzjoni ġeografika tagħha.
Il-ministru qal li r-riforma f'dan is-settur trid tilħaq bilanċ bejn il-piżijiet ġodda li se jkollhom iġorru pajjiżi li jinsabu fil-fruntiera, fosthom Malta, u s-solidarjetà mill-istati membri l-oħra f'ċirkostanzi partikolari. Sostna li b'dan il-ftehim m'hemmx bilanċ tajjeb bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà.
Il-Ministru Camilleri sostna li filwaqt li r-responsabbiltajiet eżistenti ser jiżdiedu, il-mekkaniżmu ta' solidarjetà propost, filwaqt li huwa mandatorju, jibqa' flessibbli u, f'termini reali, pjuttost dgħajjef għax ma jipprovdix il-garanziji neċessarji li l-bżonnijiet tal-istati membri ħa jintlaħqu. Huwa saħaq li l-preferenza tibqa' li s-solidarjetà għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi li jirriflettu r-realtà f'dawk il-pajjiżi tal-fruntiera, speċjalment l-istati membri ż-żgħar.
Il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri damet sa tard filgħaxija fejn ġew preżentati diversi testi bil-għan li l-patt jitjieb, u jintlaħaq kompromess bejn diversi stati membri. Malta tapprezza l-impenn tal-Presidenza Svediża u tal-Kummissjoni, li ħadmu sabiex il-patt ikun imsaħħaħ u jsir tentattiv ġenwin ta' kompromess.
Madanakollu, il-Ministru Camilleri sostna li filwaqt li l-patt fih xi aspetti pożittivi, Malta mhux konvinta li s-soluzzjoni li ġiet preżentata se tissarraf f'sistema ġusta u effettiva li tiflaħ għall-isfidi attwali u anke dawk futuri, għal pajjiżna. Għaldaqstant, Malta għażlet li tastjeni.
Finalment, il-Ministru Camilleri rrimarka li filwaqt li kien hemm qbil fil-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fuq ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Immigrazzjoni u r-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil, dan huwa l-ewwel pass, hekk kif il-proċess leġiżlattiv ser jibqa' għaddej f'taħditiet mal-Parlament Ewropew. Għaldaqstant Malta ser tibqa' taħdem b'mod kostruttiv biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en