STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET: Imħabbra skema biex in-negozji jiġu megħjuna jkollhom cyber security adegwata
CYBER+ALT: Agħżel li Tipproteġi, hija skema kofinanzjata minn fondi Ewropej u minn fondi lokali bil-għan li tgħin lil negozji żgħar u medji jkollhom cyber security adegwata.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Din l-iskema għandha baġit totali disponibbli ta' €2,000,000, kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Ewropa Diġitali fejn €1,000,000 huma fondi tal-UE u €1,000,000 huma fondi nazzjonali. L-għan ta' din l-iskema huwa li l-SMEs jingħataw appoġġ biex permezz tal-finanzi li jingħataw, ikunu jistgħu jwettqu proġetti biex isaħħu s-cyber security tagħhom.
Permezz ta' din l-iskema, kull benefiċjarju huwa eliġibbli għal ammont massimu ta' €60,000, u għaldaqstant madwar 33 SMEs jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema, u b'hekk jgħollu l-qagħda tagħhom fis-cyber security.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li fl-era tad-diġitalizzazzjoni li qed ngħixu fiha, huwa importanti li mhux biss in-negozji jkollhom preżenza online, iżda għandhom jassiguraw li huma protetti b'mod adegwat.
“F'Novembru li għadda nedejna l-politika tagħna li se twassalna għall-eċċellenza fil-qasam diġitali u teknoloġiku, Malta Diġitali. Li jkollna n-negozji tagħna armati huwa fundamentali biex nilħqu l-għanijiet tagħna," qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett enfasizza li l-gvern qed ikompli l-ħidma biex ikollu pajjiż iktar reżiljenti u modern u biex isir hekk, l-intrapriżi li jinvestu fil-modernizzar tas-sistemi tagħhom iridu jkunu siguri u diġitali. Huwa tenna li din l-iskema hi investiment fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija li ser tibqa' ċentrali fil-viżjoni ta' dawn il-fondi Ewropej.
“Mingħajr din is-sigurtà diġitali, l-investiment fin-negozji tagħna ser jibqa' vulnerabbli għall-attakki li jistgħu jimminaw il-kredibbiltà tagħhom u jipperikolaw l-informazzjoni personali tal-klijenti li jaqdi. Għaldaqstant, cyber securityillum mhix biss kliem tekniku imma f'pajjiż iktar diġitali trid issir parti iktar ċentrali mill-istrateġija tal-intrapriżi Maltin," tenna is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA, l-Inġinier Emanuel Darmanin, qal li l-MITA għandha rwol kritiku biex tipproteġi d-data u s-sistemi diġitali fis-settur pubbliku. “Fl-irwol ta' National Cybersecurity Coordination Centre (NCC), issa għandna wkoll ir-responsabbiltà biex nibnu komunità fuq livell nazzjonali fejn tidħol is-cyber security u nġibu fondi tal-UE li jiġu mqassma lill-organizzazzjonijiet lokali biex dawn isaħħu l-profil ta' cyber security tagħhom," ikkonkluda l-kap eżekuttiv.
In-negozji żgħar u medji jistgħu jżuru https://ncc-mita.gov.mt/cyber-alt biex japplikaw għal din l-iskema.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en