STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR 694 talba għal investigazzjoni ta’ allegat diskriminazzjoni abbażi tad-diżabilità – Rapport Annwali tas-CRPD
Fl-2022, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) rċeviet total ta' 694 talba għal investigazzjoni, żieda ta' 11% meta mqabbel mal-2021. Minn dawn, 301 rapport kienu b'rabta ma' nuqqas ta' aċċessibbiltà, 208 rapport dwar allegat użu ħażin jew abbuż ta' Blue Badge u 88 rapport b'rabta ma' servizzi edukattivi mogħtija mill-istat, il-Knisja u l-privat. Ta' min wieħed jinnota li ġie reġistrat tnaqqis konsiderevoli fir-rapporti marbuta mal-oqsma tal-Impjiegi u d-Djar (-33% u -38% rispettivament).
Dawn il-figuri ħarġu mir-rapport annwali tas-CRPD għas-sena 2022, li ġie preżentat lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, mill-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, Samantha Pace Gasan. Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità hija l-entità regolatorja nazzjonali dwar l-ugwaljanza għas-settur tad-diżabilità f'Malta u f'Għawdex.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li matul l-2022, it-taqsima tal-infurzar fi ħdan is-CRPD ġabret 171 Blue Badge illegali u kkonfiskat 110 Blue Badge foloz. Hija rrimarkat li bħalissa għaddej xogħol fuq l-emendi għal-liġi tal-Blue Badge, fejn fost l-oħrajn se ssaħħaħ l-infurzar billi jiġu estiżi poteri ta' infurzar u jiddaħħlu reati ġodda, speċjalment marbuta mal-falsifikazzjoni ta' Blue Badge. Il-ministru rringrazzjat lill-ħaddiema kollha fi ħdan il-kummissjoni għall-ħidma tagħhom favur settur tad-diżabilità aktar b'saħħtu.
Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan tat ħarsa estensiva ta' ħidmet il-kummissjoni matul l-2022. Sal-aħħar ta' Diċembru 2022 kien hemm 23,400 persuna b'diżabilità rreġistrati mas-CRPD. Spjegat li ġew evalwati 2,128 applikazzjoni għall-ippjanar, żieda ta' 14% meta mqabbel mal-2021. Il-kummissjoni approvat 1,168 applikazzjoni filwaqt li ħarġet oġġezzjoni għal 960 applikazzjoni. Saru wkoll aktar minn 200 spezzjoni fuq is-sit.
Fl-2022 saru sessjonijiet ta' taħriġ dwar l-Ugwaljanza fid-Diżabilità lil 2,250 parteċipant minn diversi entitajiet pubbliċi u privati f'Malta u f'Għawdex, żieda notevoli meta mqabbel mal-1,488 parteċipant fis-sena ta' qabel. Inħarġu wkoll total ta' 4,223 kard tal-UE, li minnhom 672 ġew imġedda. Il-kummissjoni kienet imsieħba f'sitt proġetti tal-UE relatati mad-diżabilità.
L-2022 kienet l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' tliet snin tal-kummissjoni (2022–2024). Minbarra l-ħidma ewlenija li għaddejja bħalissa, is-CRPD iffukat ukoll fuq prijoritajiet strateġiċi proattivi li se jirriżultaw fit-tkabbir tas-settur tad-diżabilità fis-snin li ġejjin.
“Wasal iż-żmien li suġġetti bħall-intersezzjonalità, id-deistituzzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni diġitali jsiru parti mid-diskussjoni dwar id-diżabilità għaliex jipprovdu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir tas-settur," saħqet il-Kummissarju Pace Gasan. Hija kompliet tispjega li twettaq studju ta' riċerka dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni li se jikkonsolida l-kapaċità tas-CRPD li tikkontribwixxi għat-tfassil ta' politika fil-qasam tad-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b'diżabilità.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en