STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Is-sigurtà fit-toroq fuq nett tal-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE wara żieda fl-aċċidenti u l-fatalitajiet
Fil-Lussemburgu, l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia kien preżenti għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport. Waqt din il-laqgħa, il-Ministri Ewropej iddiskutew il-Pakkett tas-Sigurtà fit-Toroq għall-ewwel darba. Il-Ministri għat-Trasport tal-UE urew it-tħassib tagħhom għaż-żieda fl-inċidenti u fil-fatalitajiet fit-toroq Ewropej. F'dan il-kuntest u ġaladarba l-istess pajjiżi kienu ffirmaw dikjarazzjoni ta' net zero, jiġifieri li l-ħidma għandha tkun biex ilkoll jimxu lejn ebda fatalitajiet, il-Ministri ddiskutew miżuri fuq livell Ewropew li għandhom jgħinu.
Malta laqgħet is-sett ta' proposti li huma meqjusa bħala strumentali biex l-Unjoni Ewropea tilħaq l-għanijiet tagħha ta' Viżjoni Żero, fejn ma tiġi rreġistrata l-ebda fatalità fit-toroq sas-sena 2050, u biex tiżgura toroq aktar sikuri għaċ-ċittadini kollha.
Ġie ppreżentat rapport ta' progress mill-Presidenza Svediża lill-Ministri dwar il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva attwali li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku. Id-direttiva proposta għandha fiċ-ċentru tagħha l-iskop li testendi numru ta' reati li huma koperti mid-direttiva eżistenti. Konsegwentement, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jistgħu jaqsmu l-informazzjoni dwar ir-reati tas-sewwieqa sabiex jiżguraw li dawk li jiksru l-liġi jiġu penalizzati skont il-pieni tal-pajjiż fejn jitwettaq ir-reat. It-trattament ugwali meta jitwettqu reati bħal dawn huwa essenzjali, kemm minn residenti jew minn persuni mhux residenti, u b'hekk jikkontribwixxi biex it-toroq tal-Ewropa jsiru aktar sikuri.
Il-Ministru Aaron Farrugia laqa' l-ħtieġa għall-valutazzjoni tal-ħiliet u l-għarfien tas-sewwieq marbuta ma' teknoloġiji ġodda tal-vetturi flimkien ma' fatturi ġodda ta' riskju fit-toroq. Dan filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tat-taħriġ għas-sewwieqa irrispettivament mill-età jew l-esperjenza li x-xufier għandu, u l-mixja lejn liċenzji diġitali.
“Bħala pajjiż ninsabu sodisfatti li s-sikurezza fit-toroq tagħna tinsab fuq nett tal-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri. Sar xogħol tajjeb mill-Presidenza Svediża u aħna bħala Malta qed nappoġġjaw kull sforz biex it-toroq tagħna jsiru aktar siguri. Dan kollu jawgura tajjeb fil-kuntest li ftit tax-xhur ilu ħabbarna l-ewwel pjan komprensiv għal pajjiżna favur aktar sigurtà fit-toroq. Ewlenin f'dan il-pjan hemm iż-żieda qawwija fl-infurzar u t-twaqqif tal-ewwel Road Safety Commission li se jkollha l-irwol tinvestiga u tiġi 'l quddiem b' rakkomandazzjonijiet lil hinn mill-iskopijiet legali ta' kull aċċident," qal il-Ministru Farrugia.
Saru wkoll diskussjonijiet dwar l-istaġun tal-ivvjaġġar tas-sajf li ġej fejn il-Ministru Farrugia appoġġja l-importanza ta' aktar kooperazzjoni u kollaborazzjoni fost l-Istati Membri biex jiġi evitat dewmien u tfixkil fl-ivvjaġġar u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jivvjaġġaw bla xkiel.
Il-Ministri ġew aġġornati wkoll dwar bosta żviluppi riċenti dwar il-Fit-For-55 u l-implikazzjonijiet tiegħu fuq is-settur tat-trasport. Dawn il-proposti għandhom l-iskop li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mill-inqas 55% sas-sena 2030.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en