STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ, IR-RIFORMI U L-UGWALJANZA U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA :Jgħaddi mill-Parlament l-abbozz ta’ liġi dwar il-prevenzjoni ta’ Vjolenza Domestika
Għadda l-proċess parlamentari kollu l-abbozz ta' liġi dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika. Din il-liġi l-ġdida tkun qed tagħti għodda ġdida u tgħin persuni li jistgħu jkunu f'riskju ta' vjolenza domestika u tagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta' vjolenza.
Din il-liġi se tagħti l-possibilità illi persuni li qegħdin f'relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-Victim Support Agency sabiex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/a tagħhom qatt instabu ħatja ta' vjolenza domestika fil-passat. Is-sistema se turi biss sentenzi ta' vjolenza domestika u mhux allegazzjonijiet li jkunu saru jew każijiet li jkunu għadhom pendenti quddiem il-Qorti. F'din il-liġi ġie żgurat ukoll il-protezzjoni tad-data, fil-fatt il-Pulizija trid tivverifika d-dritt tal-applikant għall-informazzjoni permezz ta' kriterji speċifiċi u stabbiliti mil-liġi. Ir-risposta lill-applikant imbagħad tingħata fi żmien sebat ijiem u jekk ikun jeħtieġ anke joħroġ avviż ta' twissija ta' riskju. Il-Pulizija fil-Victim Support Agency se tkun qed tispjega wkoll ir-raġuni għaliex jista' jkun hemm riskju potenzjali ta' vjolenza domestika, filwaqt li l-professjonisti fi ħdan il-Victim Support Agency jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta' appoġġ disponibbli.
B'reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalu li qed tkun implimentata wegħda elettorali oħra tal-manifest 'Malta Flimkien', bil-għan li tiġi introdotta għodda ġdida kontra l-vjolenza domestika, u jonqos ir-riskju ta' persuni li jispiċċaw vittmi ta' vjolenza.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li permezz ta' din il-liġi fost oħrajn il-Ministeru għall-Intern qed jaħdem sabiex tkompli ssir bidla fil-mentalità favur il-vittmi ta' kriminalità, inkluż dawk il-vittmi jew possibbilment vittmi ta' vjolenza domestika. “Permezz ta' dan il-mekkaniżmu, persuni f'relazzjoni ser ikollhom il-possibbiltà li jirċievu informazzjoni, għall-ewwel darba, jekk il-parti l-oħra qatt kienet ħatja ta' vjolenza domestika. Għaldaqstant, din ser isservi bħala għodda oħra sabiex tkun miġġielda l-pjaga tal-vjolenza domestika. Permezz ta' dan il-mekkaniżmu qed jingħadda messaġġ b'saħħtu, li fil-vjolenza domestika id-dnub ma jorqodx," qal il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat kif din il-liġi se tipprovdi għodda oħra biex tiġi miġġielda l-pjaga ta' vjolenza domestika. “Qatt mhu aċċettabbli li persuna tuża xi tip ta' vjolenza fuq persuna oħra, u wisq aktar jekk din il-persuna suppost tħobbok. Għaldaqstant il-Gvern kommess li jkompli jinvesti f'aktar servizzi u kampanji ta' edukazzjoni fl-aqwa interess tas-soċjetà," qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en