STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Investiment ta’ €11.5 miljun biex ajruplani akbar jkunu jistgħu jużaw il-faċilitajiet ta’ MRO f’Malta
B'investiment ta' €11.5 miljun, li sar minn INDIS Malta, ġiet mibnija u twessgħet parti mir-runway, magħrufa bħala Taxiway Lima. Permezz ta' dan l-investiment, pajjiżna se jkun jista' jakkomoda ajruplani akbar, bħalma huma l-airbus A350, għall-manutenzjoni.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri. Il-Ministru qal li dan il-proġett huwa fundamentali biex naraw l-industrija tal-avjazzjoni tkompli tiffjorixxi f'pajjiżna. Fl-aħħar snin dan is-settur ra tkabbir konsiderevoli u diversifikazzjoni li qed jagħmel minn pajjiżna ċentru importanti fl-avjazzjoni.
“Din il-biċċa art hija neċessarja biex permezz tagħha jkollna tlugħ u nżul ta' ajruplani b'mod sigur meta jaċċessaw il-faċilitajiet li joffru kumpaniji ta' manutenzjoni tal-ajruplani f'Malta, irrispettivament mid-daqs tagħhom," qal il-Ministru Schembri.
Taxiway Lima tinsab biswit żewġ kumpaniji tal-manutenzjoni tal-ajruplani, l-SR Technic u Lufthansa Technik.
Filwaqt li rringrazzja lill-kumpaniji tal-Maintenance, Repair and Overhaul (MRO) tal-fiduċja li juru fl-ekonomija ta' pajjiżna, u lil dawk kollha involuti f'dan il-proġett, il-Ministru Schembri qal li INDIS Malta qed taħdem fuq strateġija għaż-żona tal-ajruport li se tidħol fil-fond fuq l-infrastruttura tal-ajruport u l-opportunitajiet li din toffri.
Iċ-Chairman ta' INDIS Malta, Jean Pierre Attard, qal li l-dan il-proġett juri l-importanza ta' INDIS Malta mhux biss f'infrastruttura aħjar fiż-żoni industrijali, imma hija wkoll spalla ma' spalla mas-setturi ekonomiċi diversi li għandu pajjiżna. “Oriġinarjament Taxiway Lima kienet inbniet qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u kienet iċċertifikata li jistgħu jinżlu fiha sa ajruplani Code C aircarft. Iżda bis-settur tal-avjazzjoni jkompli jespandi, kienet inħasset il-ħtieġa li din terġa' tinbena mill-ġdid għall-istandards tal-lum u tikber biex tkun tista' tilqa' ajruplani akbar," qal Jean Pierre Attard.
Arthur Magri, General Manager ta' SR Technic, qal li l-bini ta' Taxiway Lima hekk kif tmiss mar-runway sekondarja ma kienx faċli, iżda dan l-investiment huwa pedina importanti biex l-industrija tal-avjazzjoni f'pajjiżna tkompli tikber.
Edwin Micallef, Head of Production ta' Lufthansa Technik Malta, qal li kumpaniji tal-MROs biex joperaw jeħtieġu infrastruttura b'saħħitha u li Taxiway Lima hija komponent importanti minn din l-infrastruttura. L-Inġinier Micallef irringrazzja lill-Gvern Malti li rrikonoxxa l-bżonn ta' investiment f'din l-infrastruttura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en