Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

pr230769
Date Icon 23/05/2023

Iffirmat ftehim mal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta biex jiġu konsolidati l-liġijiet li jirregolaw is-settur tal-kostruzzjoni

Ġie ffirmat memorandum of understanding (MoU) bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Università ta’ Malta bl-għan li dan iwassal għal aktar tisħiħ u konsolidament tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni f’Malta. 

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. 

Dan il-ftehim se jistabbilixxi sforz kollaborattiv bejn il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, u l-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta biex ikun hemm ħidma aktar mill-qrib bejn iż-żewġ naħat fuq kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni.

Il-Fakultà tal-Liġi se tkun qed tqabbad studenti li bħalissa qed jagħmlu studju fil-livell ta’ Masters fil-Kors tal-liġi biex, taħt is-superviżjoni tal-letturi tagħhom, jidentifikaw il-liġijiet kollha li b’xi mod jew ieħor għandhom rabta mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u jaraw jekk il-liġijiet li jolqtu l-materji tal-Awtorità humiex kompatibbli ma’ liġijiet ġenerali oħra eżistenti, bħal Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, il-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi Kriminali. Fejn jinstab li hemm nuqqas ta’ kompatibilità, il-Fakultà tal-Liġi ser tressaq suġġerimenti dwar it-tibdil li jkun meħtieġ biex il-liġijiet ikunu jirriflettu aktar ir-realtajiet tal-lum.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-ftehim mhux biss se jkunu qed jżidu l-għarfien legali neċessarju f’dan is-settur, iżda se sservi wkoll bħala opportunità biex iħejju lill-professjonisti fil-liġi ta’ għada għar-realtajiet attwali tal-industrija tal-kostruzzjoni. Filwaqt li fakkar li l-Gvern jinsab determinat li juża’ kull riżorsa disponibbli biex iwettaq il-ħidma tiegħu, tenna li l-ftehim tal-lum se jkun ta’ benefiċċju għall-istess soċjetà sabiex ikollna industrija tal-kostruzzjoni ta’ kwalità għola.

Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li studenti li jkunu għaddejjin fil-perkors tal-istudji tagħhom ikollhom prattika apparti l-għarfien akkademiku. Huwa qal li permezz ta’ dan il-ftehim, aktar studenti Universitarji se jkollhom mhux biss din il-prattika, imma li permezz tagħha qed jagħtu kontribut siewi lis-soċjetà. Dan se jsir għaliex dawn l-istudenti se jkunu involuti fi proġett, mhux biss essenzjali u ta’ importanza għal pajjiżna, imma wkoll proġett li se jgħinhom fl-istudji tagħhom. Fuq kollox, proġett li għandu jwassal biex itejjeb il-liġijiet tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J Vella, tenna li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, l-Università ta’ Malta ser tkun f’pożizzjoni li tgħin lill-Ministeru fil-ħidma tagħha fil-qasam tal-kostruzzjoni. Il-Professur Vella qal li l-Università ta’ Malta qed tħares ’il quddiem għall-eżitu ta’ dan il-ftehim u jittama li fil-futur jkun hemm aktar kollaborazzjonijiet utli ta' dan it-tip.

Il-ftehim ġie iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Carlos Tabone, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J Vella, u d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Dr Ivan Mifsud.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow