STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Appoġġ lill-atleti ta’ Malta fil-Logħob Dinji ta’ Special Olympics f’Berlin
Mart il-Prim Ministru u l-President ta' Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela laqgħet is-27 atlet li se jipparteċipaw fil-Logħob Dinji ta' Special Olympics li se jsiru bejn is-17 u l-25 ta' Ġunju li ġej, f'Berlin. F'indirizz li għamlet lir-rappreżentanti ta' pajjiżna f'dan l-avveniment sportiv għall-atleti b'diżabilità minn madwar 170 pajjiż, Dr Abela fissret dawn il-Logħob fil-kapitali Ġermaniża bħala ċelebrazzjoni ta' inklużività.
Fil-preżenza anki tal-familji tal-atleti Maltin, il-President ta' Special Olympics Malta tat l-appoġġ u l-kuraġġ lill-parteċipanti Maltin u fakkrithom kif għandhom kull opportunità li jilħqu l-potenzjal tagħhom. Qalet li bħala Special Olympics Malta saret ħidma qawwija biex l-atleti jkollhom faċilitajiet tajbin u li jitħejjew b'mod tajjeb.
Lydia Abela rrimarkat għall-Invitational Games ta' Special Olympics li saru f'pajjiżna sena ilu u fakkret mhux biss fis-suċċessi li kisbu l-atleti ta' Special Olympics Malta iżda anki fil-festa sportiva li pajjiżna rnexxielu jilqa' fi ħdanu biex pajjiżna kien tassew mudell tal-inklużjoni. Filwaqt li rringrazzjat in-nies kollha li jaħdmu fi Special Olympics Malta flimkien mal-ġenituri tal-atleti, li fissrithom bħala mutur ewlieni, hija kellha messaġġ partikolari għall-atleti. “Intom l-atleti tagħna li se tkunu qed tirrappreżentaw il-bajda u l-ħamra u aħna kburin bikom ilkoll. Nawguralkom kull suċċess," qalet Dr Abela.
Fl-istess attività tkellmet id-Direttur Nazzjonali ta' Special Olympics Malta, Anna Calleja li rrimarkat għall-ħidma tal-coaches li jaħdmu mill-qrib mal-atleti bi tħejjija għal dawn il-logħob. Anna Calleja sostniet li Special Olympics Malta taħdem qatigħ biex kulħadd juri l-aħjar tal-abbiltajiet tiegħu.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en