STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Ix-xogħol fuq id-daħla tal-Isla fi stadju avvanzat
B'investiment ta' €4.5 miljun, il-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) għaddejja bl-aħħar xogħlijiet fuq ir-riġenerazzjoni fid-daħla tal-Isla, fiż-żona magħrufa bħala St Anne's Gate. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u mill-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, waqt żjara fuq il-post.
L-iskop wara dan il-proġett kien li tiġi riġenerata d-daħla tal-Isla u s-swar madwar din iż-żona, kif ukoll biex jinħoloq aċċess sigur għaż-żona tal-belvedere ta' fuq is-swar li dejjem kienet magħluqa għall-pubbliku.
Ix-xogħol fuq il-proġett kien maqsum fi tliet fażijiet. L-ewwel fażi kienet dik tar-restawr tad-daħla prinċipali u s-swar ta' San Mikiel fejn ġew restawrati mat-8,850 metru kwadru tas-swar. Sar ukoll restawr fuq l-arloġġ ikoniku tal-Isla u kellha tinbena mill-ġdid il-gardjola fuq l-istess daħla, minħabba li kienet tinsab fi stat avvanzat ħafna ta' deterjorament.
It-tieni fażi kienet tinkludi r-riġenerazzjoni u t-tisbiħ ta' Pjazza Mitrovich. Ix-xogħol prinċipali f'dan l-istadju kien l-allinjament mill-ġdid tal-pjazza, fejn is-servizzi kollha eżistenti ġew mgħoddija taħt l-art. F'dan l-istadju saret ukoll ir-rilokazzjoni tal-pitch tal-boċċi u nħolqot pjazzetta żgħira oħra taħt il-Belvedere, għall-użu tal-pubbliku.
Il-proġett bħalissa jinsab fit-tielet u l-aħħar fażi. F'din il-fażi qed jinħolqu l-istrutturi li ser jagħtu aċċess lill-pubbliku għall-belvedere. Qed jinbena wkoll visitor centre minflok xi kmamar li kienu waqgħu, filwaqt li qed jiġi installat lift għall-użu ta' persuni bi problemi ta' mobilità.
Il-Ministru Aaron Farrugia fisser li dan il-proġett huwa turija ċara tal-ħidma tal-GHRC biex tirriġenera l-Port il-Kbir. Huwa spjega li ħafna mill-postijiet li tmiss magħhom il-GHRC huma postijiet li fin-natura tagħhom għandhom wirt storiku u li l-interventi li jsiru jridu jkunu ppjanati b'reqqa biex joffru bilanċ bejn titjib infrastrutturali u l-preservazzjoni tal-wirt storiku li jħaddnu.
“Permezz ta' din il-ħidma qed inkomplu nagħmlu mill-Port il-Kbir u ż-żoni tal-madwar, mutur ekonomiku b'saħħtu għal pajjiżna. Se nkomplu ninvestu f'din iż-żona biex dejjem ikollna bilanċ tajjeb bejn l-investiment, it-tkattir tiegħu u l-fatt li din iż-żona hija waħda fejn jgħixu numru ta' familji," temm jgħid il-Ministru Farrugia.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en