STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Il-pjanijiet għal iktar enerġija rinnovabbli, interkonnessjonijiet u ħażna tal-enerġija bil-batteriji ser jgħinu lil Malta tilħaq id-dekarbonizzazzjoni
It-tisħiħ tan-netwerk u interkonnessjonijiet ġodda se jsaħħu l-pjanijiet t'enerġija rinnovabbli f'Malta
L-impenn ta' Malta lejn it-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u l-pjanijiet biex inżidu s-sigurtà tal-provvista permezz t'interkonnessjonijiet ġodda mal-Ewropa u sistemi ta' batteriji qed iwittu t-triq lejn iktar investiment fl-enerġija rinnovabbli fis-snin li ġejjin.
Kadri Simson, il-Kummissarju Ewropew għall-Enerġija u Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, iddiskutew il-pjanijiet tal-enerġija rinnovabbli ta' Malta waqt żjara f'uħud mill-installazzjonijiet tan-netwerk tal-elettriku ewlenin ta' Enemalta plc, l-Erbgħa filgħodu. Iż-żjara saret jum qabel il-bidu ta' Med9, il-laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija tal-Mediterran, li se ssir il-Belt Valletta nhar il-Ħamis filgħodu.
Il-Kummissarju Simson u l-Ministru Dalli ltaqgħu ukoll ma' Interconnect Malta, il-kumpanija tal-Gvern fdata bl-iżvilupp ta' Interconnector 2, it-tieni cable tal-elettriku taħt il-baħar bejn Malta u l-Italja.
Waqt din iż-żjara, it-tmexxija ta' Enemalta spjegat kif il-kumpanija qed timplimenta programm ta' rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, b'investiment ta' €90 miljun, sabiex issaħħaħ in-netwerk waqt li tipprovdi l-kapaċità addizzjonali meħtieġa biex tilqa' għall-ħtiġijiet tal-investiment li dejjem qed jikber u li l-pajjiż qed jagħmel f'sistemi tal-enerġija rinnovabbli. Iż-żjara inkludiet waqfiet fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni 132 kV tal-Kappara, li għadu kif ġie mtejjeb, fit-Terminal tal-Interconnector bejn Malta u l-Italja, fil-Magħtab, kif ukoll f'sezzjoni tas-sistema ta' 30 kilometru ta' mini taħt l-art, li fihom Enemalta għandha netwerk ta' 110-kilometru ta' cables ta' vultaġġ għoli.
It-tmexxija ta' Interconnect Malta tat aġġornament dwar l-ippjanar u l-proċess tal-permessi għall-Interconnector 2, li qed jiġi żviluppat bl-appoġġ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) tal-Unjoni Ewropea. Din l-interkonnessjoni se tipprovdi għaż-żieda fil-ġenerazzjoni t'elettriku minn sorsi t'enerġija rinnovabbli li qed jippjana l-pajjiż billi toffri l-istabbiltà meħtieġa fin-netwerk u tibbilanċja l-intermittenza ta' dawn is-sorsi rinnovabbli.
Interconnect Malta qed taħdem ukoll fuq il-proġett Battery Energy Storage Systems (BESS), sistema kbira ta' batteriji għall-ħażna tal-enerġija elettrika li qed tiġi ppjanata bħala kontribuzzjoni importanti fil-ħidma lejn id-dekarbonizzazzjoni f'Malta, skont il-miri tal-Green Deal tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett BESS se jkun ko-finanzjat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea u mill-ERDF.
Il-Kummissarju Ewropew Kadri Simson qalet: “Illum kellna diskussjoni pożittiva mal-Ministru Dalli dwar il-pjanijiet ta' Malta biex tinvesti fi proġetti infrastrutturali li se jikkontribwixxu għaż-żieda fis-sistemi t'enerġija rinnovabbli. Żjarat bħal dawn fejn naraw proġetti tal-enerġija fuq il-post huma dejjem ta' għarfien siewi għalina. L-Ewropa – inkluż ir-reġjun tal-Mediterran – tinsab għaddejja b'pass mgħaġġel lejn settur tal-enerġija dekarbonizzat, sigur u affordabbli. Qed nieħu gost nara lil Malta tistinka bis-sħiħ biex tinvesti fl-enerġija rinnovabbli u tagħti s-sehem tagħha biex nilħqu din il-mira."
Il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lill-Kummissarju Simson li laqgħet l-istedina biex issir taf aktar dwar il-pjanijiet ambizzjużi ta' Malta dwar l-enerġija rinnovabbli. “Nemmnu li l-uniku triq 'il quddiem hija li nimmassimizzaw il-potenzjal tat-teknoloġiji eżistenti u dawk li ser naraw fiż-żmien li ġej, biex nilħqu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni filwaqt li naħdmu lejn iżjed awtonomija u sigurtà tal-provvista. Waqt il-laqgħa tal-Med9 t'għada, se nuru kif il-Mediterran jista' jkun iċ-ċavetta għal diversi sfidi li s-settur tal-enerġija fl-Ewropa qed jiffaċċja bħalissa. Determinati li nkomplu naħdmu mal-Kummissjoni Ewropea u ma' stati membri oħrajn biex nuru kif il-Mediterran jista' jsir ċentru t'enerġija ħadra fl-Ewropa," temmet tgħid il-Ministru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en