STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAR-RIFORMI U L-UGWALJANZA Imnedija l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għal-Ugwaljanza LGBTIQ+ għall-ħames snin li ġejjin
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, Bifobija, Intersessofobija u Transfobija (IDAHOBIT), is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg nediet l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ+ li tkopri s-snin 2023 sal-2027.
Dan tħabbar waqt konferenza li għaliha attendew diversi stakeholders u membri tas-soċjetà ċivili. Din hija t-tielet Strateġija Nazzjonali li għandha l-għan li tibni fuq il-kisbiet li saru matul is-snin filwaqt li tindirizza r-realtajiet tas-soċjetà llum.
Ġie spjegat li b'kollox 10 oqsma u 94 miżura jiffurmaw il-Pjan ta' Azzjoni li huma bbażati fuq diversi oqsma fejn persuni LGBTIQ+ għadhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew trattament inekwu. Dan il-pjan t'azzjoni jkopri fih għaxar setturi differenti fosthom il-qasam tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-isport u r-riċerka.
L-istrateġija tinkludi wkoll miżuri sabiex issir ġlieda aktar effettiva kontra kliem ta' mibegħda u t-tixrid ta' misinformazzjoni. Pilastru importanti jibqa' dejjem kampanji edukattivi sabiex ikun hawn aktar għarfien u sensittività fost is-soċjetà.
L-implimentazzjoni tal-miżuri ser ikun ikkordinat mit-Taqsima dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem b'kollaborazzjoni ma' diversi ministeri u entitajiet pubbliċi.
Fl-indirizz tagħha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet kif din l-istrateġija qed tiġi mnedija wara li saret konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ li jiġbor fi ħdanu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u msieħba soċjali oħra.
“Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, Bifobija, Intersessofobija u Transfobija, dan il-Gvern qed jimmarka l-impenn tiegħu biex ikompli jaħdem favur soċjetà aktar ugwali. Permezz ta' dan il-pjan ta' azzjoni qed nikkomunikaw il-viżjoni tagħna f'dan il-qasam għal ħames snin li ġejjin. Għaldaqstant, ser inkomplu nibnu fuq il-miżuri li wassluna fil-quċċata tar-Rainbow Index għat-tmien sena konsekuttiva," spjegat is-Segretarju Parlamentari.
Il-Kap tat-Taqsima SOGIGESC fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, Clayton Mercieca, spjega f'aktar dettal l-għanijiet u l-miżuri fi ħdan l-istrateġija u kif il-pjan t'azzjoni se jkun qiegħed jiġi implimentat mill-ministeri u dipartimenti konċernati biex b'hekk tibqa' tiġi msaħħa l-ugwaljanza f'Malta.
“B'politika mġedda u kollaborazzjoni kontinwa mal-organizzazzjonijiet kollha, ċertament ser isservi ta' opportunità biex niksbu l-ambizzjoni tagħna li nrawmu soċjetà aktar inklussiva fejn kull persuna tkun tista' tgawdi d-drittijiet fundamentali tagħha," qal is-Sur Mercieca.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en