STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Titjib fis-settur edukattiv rifless fir-rapport internazzjonali, PIRLS
Ir-rapport internazzjonali, 'Progress in International Reading Literacy Study' (PIRLS), juri titjib fis-settur edukattiv Malti, b'kisbiet importanti fuq l-aħħar rapport li kien ħareġ fl-2016. Ir-rapport, li jsir kull ħames snin, huwa analiżi ta' studju li jsir b'rabta mal-kisba tal-qari fost tfal ta' madwar 10 snin, ekwivalenti għal Year 5 f'Malta, u janalizza l-ħila tagħhom li jaqraw, jifhmu u jużaw tajjeb dak li jaqraw. L-istudju PIRLS jitmexxa mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi (IEA).
Il-punteġġ medju tal-qari tat-tfal Maltin (515) huwa ogħla b'mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali (500) bir-riżultat li Malta ġiet klassifikata fil-31 post minn 57 pajjiż parteċipanti. Dan ir-riżultat juri titjib sinjifikanti fuq rapporti preċedenti: 2016 (452) u 2011 (457). Fir-rapport tal-2011 Malta kienet ikklassifikat fit-38 post. F'dan ir-rapport, Malta kisbet ukoll l-aħjar titjib fil-punteġġ medju tal-qari mill-pajjiżi kollha meta mqabbel mar-rapport tal-2016 – 63 punt, warajha l-Eġittu (48), imbagħad il-Qatar (42).
Hawnhekk l-istudenti Maltin huma fuq l-istess livell ta' studenti minn New Zealand, Spanja, il-Portugall, is-Slovenja, Franza, is-Serbja, l-Albanija, Ċipru u l-Belġju. Imma jaqbżu sew il-livell fil-qari ta' studenti f'21 pajjiż fosthom l-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Italja, l-Irlanda, l-Irlanda ta' Fuq, il-Federazzjoni Russa, l-Istati Uniti, il-Finlandja, il-Polonja, l-Awstralja, id-Danimarka, in-Norveġja u l-Awstrija.
Fil-pajjiżi kollha, l-istudenti bniet marru aħjar mill-istudenti subien. F'Malta wkoll, l-istudenti bniet ġabu 6 punti aktar mill-istudenti subien, madanakollu dan huwa punteġġ ħafna aħjar mill-medja internazzjonali, fejn id-distakk bejn il-bniet u s-subien huwa ta' 18-il punt.
Fatt interessanti juri li r-rabta ta' kemm jaqraw it-tfal Maltin hija marbuta ma' kemm iħobbu jaqraw il-ġenituri tagħhom. Ir-rata Maltija ta' ġenituri li jħobbu jaqraw (37%) hija ogħla b'mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali (31%).
Fl-istudju pparteċipaw 3,865 student u studenta (1,972 subien u 1,893 bniet) minn total ta' 100 skola primarja, 64 skola tal-Istat (2,182 student), 11-il skola indipendenti (537 student) u 25 skola tal-Knisja (1,146 student).
Fejn tidħol is-sigurtà u l-ordni fl-iskejjel ukoll kien hemm titjib sinifikanti. Il-punteġġ medju ta' Malta (10.9) huwa ogħla b'mod sinjifikanti mill-medja internazzjonali (10.0) u titjib sinjifikanti wkoll fuq ir-rapport tal-2016 (9.6). Dan jindika li s-sigurtà u l-ordni fl-iskejjel Maltin tjiebu b'mod konsiderevoli fl-aħħar ħames snin, kif rappurtat mill-għalliema. Ir-rapport juri li 60% tal-għalliema jqisu l-iskejjel tagħhom siguri ħafna u ordnati.
Ir-rapport PIRLS juri li l-punteġġ medju fejn jidħol is-sodisfazzjon tax-xogħol tal-għalliema (10.2) huwa marġinalment ogħla mill-medja internazzjonali (10.0). 56% għalliema qalu li huma sodisfatti ħafna; 35% huma kemxejn sodisfatti; u 9% huma inqas minn sodisfatti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-ħidma li għaddejja qed tagħti r-riżultati. “Sodisfatt li dan ir-rapport juri titjib fuq ir-rapporti preċedenti, speċjalment meta wieħed jiftakar li dan sar fi sfond tal-isfidi tal-pandemija. Filwaqt li se nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li sar fis-snin preċedenti, hemm oqsma li trid issir aktar ħidma fihom biex inkomplu ntejbu dak miksub, fosthom aktar riżorsi li jgħinu fil-qari, u l-kunfidenza tal-istudenti fil-qari", qal il-Ministru Grima.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en