STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA Verifika ta’ kwistjonijiet relatati mal-konċessjoni mogħtija lill-Vitals Global Healthcare Ltd mill-Gvern: It-tielet parti | Steward Health Care tieħu kontroll tal-konċessjoni
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) ġie mitlub mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jivverifika l-konċessjoni mogħtija mill-Gvern lill-Vitals Global Healthcare Ltd (VGH) b'rabta mal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta' Riabilitazzjoni Karin Grech. Ta' min ifakkar li fl-ewwel parti tal-verifika, maħruġa f'Lulju 2020, l-NAO ħares lejn il-proċess ta' akkwist li wassal għall-għotja tal-konċessjoni lill-VGH, filwaqt li t-tieni parti, ippubblikata f'Diċembru 2021, indirizzat il-qafas kuntrattwali li daħlet fih il-VGH u l-implimentazzjoni tiegħu. Din it-tielet u l-aħħar parti tħares lejn il-bidla fil-kontroll tal-konċessjoni mill-VGH għal Steward Health Care (SHC) u l-iżviluppi li seħħew wara.
It-taħditiet inizjali bejn l-SHC u l-Gvern immedjatament ħassbu 'l-NAO. Dan minħabba li l-verżjonijiet konflinġenti u n-nuqqas ta' dokumentazzjoni dwar dawn l-iskambji kruċjali xekklu l-viżibilità tal-Uffiċċju. It-tweġibiet fil-qosor mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien u miċ-Chief of Staff tiegħu, in-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Ministru għat-Turiżmu ta' dak iż-żmien, it-twarrib tal-Ministru tas-Saħħa minn kull involviment sinifikanti fuq l-andament ta' din il-konċessjoni relatata direttament mas-saħħa pubblika, l-allegazzjonijiet mid-Direttur VGH ta' dak iż-żmien dwar aġir li ġie mġiegħel jagħmel u r-rwol anomalu li kellu l-eks Kap Eżekuttiv tal-VGH, li aktar tard kien maħtur Kap Eżekuttiv tal-SHC International, jikkorroboraw il-fehma ta' dan l-Uffiċċju li din il-konċessjoni baqgħet 'il bogħod minn dak li wieħed jistenna mill-Gvern f'termini ta' kontabilità u trasparenza.
L-NAO baqa' ma fehemx ir-raġuni għaż-żmien limitat li fih l-SHC kienet xprunata biex taġixxi mill-Gvern u l-fatt li din qablet li taġixxi b'din l-għaġla minkejja li l-konċessjoni kienet mimlija kontroversja. Is-sens falz ta' urġenza kompla jħasseb lil dan l-Uffiċċju dwar jekk l-interessi tal-Gvern ġewx imħarsa u allura rriżulta f'dubju dwar l-aġir ta' dawk involuti fil-bidla fil-kontroll tal-konċessjoni. Tant kienet l-għaġla ta' dawk li rrappreżentaw lill-Gvern, li l-Kabinett intalab japprova t-trasferiment tal-konċessjoni wara li kienet diġà ngħatat l-awtorizzazzjoni lill-VGH mill-Ministru għat-Turiżmu u mill-Malta Industrial Parks (MIP) Ltd.
Bil-kontroll tal-konċessjoni issa f'idejn l-SHC, l-għan tagħha għan-negozjati kien li trendi l-konċessjoni finanzjarjament vijabbli, filwaqt li l-mira tal-Gvern kienet li jneħħi l-konċessjoni minn fuq il-kontijiet pubbliċi. Dawn in-negozjati sfaw fix-xejn, għax l-għanijiet tal-partijiet baqgħu dijametrikament opposti u d-differenzi li rriżultaw kienu irrikonċiljabbli mill-bidu nett.
Id-dinamika anomala li ppersistiet bejn il-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu, għas-skapitu tal-Ministru għas-Saħħa, baqgħet ta' tħassib serju għall-NAO. Id-delega ta' konċessjoni tas-saħħa lill-Ministru għat-Turiżmu pprovdiet opportunità ta' sfruttar tal-Gvern u ħolqot dgħufija li ġiet sfruttata mill-SHC. Din is-sitwazzjoni kienet l-aktar evidenti meta l-Gvern aċċetta li jiggarantixxi l-ħlas ta' €100,000,000 u d-dejn tal-SHC f'każ li l-qorti tannulla l-ftehim tal-konċessjoni, irrispettivament minn min ikun responsabbli għan-nuqqas. Kien proprju l-Ministru għat-Turiżmu li wassal għal dan billi qarraq lill-Kabinett. L-affarijiet huma agħar meta wieħed iqis li l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ma ntalbitx mill-Ministru għat-Turiżmu f'każijiet meta l-Gvern daħal bħala garanti f'diversi ftehimiet ta' finanzjament bejn l-SHC u l-Bank of Valletta.
L-ewwel tentattiv ta' negozjar tal-konċessjoni sfaxxa minħabba t-taqlib politiku li kien għaddej lejn l-aħħar tal-2019, li rriżulta fir-riżenja tal-Prim Ministru u l-Ministru għat-Turiżmu. Kien hemm bidla ġenerali fl-approċċ tan-negozjati wara l-ħatra ta' Prim Ministru ġdid kmieni fl-2020. It-tentattivi sussegwenti ma rnexxewx minħabba li dak li l-Gvern u l-SHC fittxew li jinnegozjaw ma kienx permissibbli skont il-qafas kuntrattwali tal-konċessjoni u l-leġiżlazzjoni rilevanti, peress li l-partijiet fittxew li jibdlu b'mod fundamentali n-natura tal-konċessjoni. Il-Gvern ħalla għall-aħħar biex talab il-parir tal-Avukat tal-Istat u tad-Dipartiment tal-Kuntratti dwar it-tibdil li ġie negozjat mal-SHC. L-NAO hu tal-fehma li ċertezza dwar il-parametri tan-negozjati kellha tiġi stabbilita mill-bidu.
Il-ftehim ewlieni li jirregola l-konċessjoni kien is-Services Concession Agreement. Dan il-ftehim stabbilixxa diversi concession milestones li, minbarra t-tlestija tal-Iskola Medika ta' Barts u ftit elementi ta' progress oħra, ma ntlaħqux mill-SHC. Il-Health Services Delivery Agreement irregola l-kwalità u l-livelli tas-servizzi. Madankollu, ma kienx possibbli għall-NAO li jistabbilixxi jekk kienx hemm progress f'dan is-sens wara l-konċessjoni ta' dawn l-isptarijiet minħabba li indikaturi rilevanti ġew introdotti meta l-SHC assumiet il-konċessjoni u għalhekk ma hemmx ma' xiex wieħed jista' jqabbel.
Fir-rigward tal-Kuntratt ta' Enfitewsi, iċ-ċirkustanzi relatati mat-tibdil fil-kontroll tal-konċessjoni ġibdu l-attenzjoni tal-NAO minħabba li f'dawn il-każi kien hemm bidla fis-sid benefiċjarju aħħari tal-Konċessjonarju. Meta l-kontroll inbidel mill-VGH għall-SHC, intalbet l-awtorizzazzjoni tal-MIP Ltd għat-trasferiment tal-ishma, konsistenti mal-fehma tal-Uffiċċju li s-sid aħħari tal-Konċessjonarju nbidel. Minkejja dan, l-MIP Ltd qieset dan it-trasferiment bħala wieħed intra-grupp. Dan l-Uffiċċju hu tal-fehma li dan it-trattament tal-MIP Ltd kien inkongruwenti mal-fatt li nbidel is-sid benefiċjarju aħħari u allura seta' jkun hemm ħlas ta' laudemium lill-Gvern. Madanakollu, dan il-ħlas ma ntalabx mill-Gvern. Meta l-kontroll tal-konċessjoni nbidel minn SHC International LLC għal SHC Systems LLC, INDIS Malta Ltd (qabel MIP Ltd) ma ġietx innotifikata bit-trasferiment, minkejja li s-sid aħħari tal-SHC kien inbidel. L-NAO jsostni li dan ukoll ma kkwalifikax bħala trasferiment intra-grupp u għalhekk seta' ntalab il-ħlas ta' laudemium. Madankollu, il-Kuntratt ma speċifika l-ebda konsegwenza għan-nuqqas li jinkiseb il-kunsens għat-trasferiment tas-siti, però indika li n-nuqqas ta' ħlas ta' laudemium jirriżulta fin-nullità tat-trasferiment.
Bejn l-2016 u l-2021, il-Gvern ħallas lill-Konċessjonarju €268,600,000, b'€52,700,000 lill-VGH u €214,900,000 lill-SHC. Is-salarji tar-riżorsi li l-Gvern ipprovda lill-Konċessjonarju matul dan il-perjodu ammontaw għal spiża addizzjonali ta' €188,500,000. Għalhekk, in-nefqa totali li għamel il-Gvern fir-rigward tal-Isptarijiet bejn Ġunju 2016 u tmiem l-2021 kienet ta' €456,000,000.
Ta' min wieħed jagħmel referenza għall-proċeduri ġudizzjarji li għaddejjin dwar din il-konċessjoni. Fil-bidu tal-2018, il-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ kawża għall-annullament tal-Kuntratt ta' Enfitewsi għall-GGH, KGRH u SLH. Fi Frar 2023, il-Qorti rrevokat u annullat dan l-Kuntratt u l-ftehim kollu relatat mal-konċessjoni fuq il-bażi li l-obbligi kuntrattwali u l-miri tal-proġett ma ntlaħqux mill-VGH, u għalhekk il-Gvern kien obbligat li ma jaċċettax it-trasferiment tal-ishma lill-SHC. Il-Qorti indikat li l-Gvern u l-awtoritajiet involuti kellhom l-obbligu u d-dmir li jħassru l-kuntratti kollha fid-dawl tal-manipulazzjoni u l-azzjonijiet frawdolenti li saru b'mod sistematiku mill-VGH u l-SHC. L-SHC appellat is-sentenza f'Marzu 2023, fejn sostniet li s-sentenza mogħtija kienet mimlija nuqqasijiet ta' natura proċedurali u sostantiva, minbarra analiżi żbaljata u superfiċjali tal-fatti.
Ir-Rapport sħiħ u l-verżjoni mqassra jistgħu jiġu aċċessati billi wieħed iżur il-website tal-NAO www.nao.gov.mt jew permezz tal-midja soċjali tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en