STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL: Ftehim ta’ €2 miljun li jkompli jsaħħaħ is-servizzi mogħtija mill-OASI
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded u saħħaħ ftehim soċjali illi għandu mal-Fondazzjoni OASI f’Għawdex. Din il-fondazzjoni ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 32 sena u matulhom tat firxa estensiva ta’ servizzi soċjali fil-komunità intiżi għal persuni li jkunu sfaw vittmi tal-vizzji.
Dan il-ftehim ġie ffirmat waqt żjara illi għamel il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fiċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni f’Għawdex.
F’dan iċ-ċentru tingħata kura u riabilitazzjoni fuq bażi residenzjali u anke servizzi oħra fil-komunità għal dawk il-persuni li ma jkollhomx bżonn għajnuna ċentralizzata. Ħafna mill-każijiet jinkludu problema b’rabta ma’ vizzji tal-alkoħol, drogi, logħob tal-azzard u ‘behavioural addictions’ bħall-użu esaġerat ta’ mezzi soċjali.
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-programm jgħin kull faxxa tas-soċjetà. “L-għan tagħna huwa li nagħtu l-għajnuna mingħajr ma niġġudikaw, filwaqt li ngħinu kull persuna terġa’ ssib saqajha u nagħtu sapport ukoll lill-familjari tagħhom. Dan il-ftehim se jkun mifrux fuq medda ta’ 3 snin u jlaħħaq iż-€2 miljun li jagħmlu possibbli t-tmexxija ta’ din ir-residenza li tospita sa massimu ta’ 15-il sodda,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en