STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ L-inizjattiva Maltija ‘Island for Islands’ diskussa fis-Seychelles
Malta u s-Seychelles iddiskutew l-inizjattiva li kien ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela, 'Island for Islands'. Dan waqt laqgħa bilaterali li kellu l-Ministru Borg flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu tas-Seychelles Sylvestre Radegonde.
Intqal kif Malta għandha r-rieda li tkompli tiżviluppa iżjed din l-inizjattiva sabiex tkun tista' tassisti pajjiżi bħal m'huma s-Seychelles, hekk kif iż-żieda fil-livell tal-baħar hawnhekk hija realtà u dan qed jeqred meded sħaħ ta' art u xtut.
Waqt din iż-żjara uffiċjali ġew iffirmati żewġ ftehimiet ta' kooperazzjoni, wieħed dwar is-saħħa u l-ieħor dwar Kummissjoni Konġunta. Matul il-laqgħa bilaterali li kellu l-Ministru Borg flimkien mal-Ministru tas-Seychelles Sylvestre Radegonde intqal kif din il-laqgħa hija waħda storika u sinifikanti għall-fatt li Malta u s-Seychelles qegħdin jistabbilixxu t-triq 'il quddiem għall-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Nemmen li din il-laqgħa qed isservi sabiex ikun hemm aktar djalogu li permezz tiegħu nkunu nistgħu nsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u anke kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, b'mod partikolari fil-qasam tat-turiżmu. Bħal Malta, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ekonomija tas-Seychelles huwa dan is-settur", sostna l-Ministru Borg.
Matul din il-laqgħa ġie diskuss ukoll is-suġġett tal-ekonomija l-blu, hekk kif bħala żewġ pajjiżi gżejjer huwa importanti ferm li dan is-settur jibqa' jkun fil-quċċata tal-aġenda.
L-aġenda kienet tinkludi wkoll il-qasam tas-sajd, iż-żona ekonomika esklussiva, is-settur marittimu u l-istorja ta' suċċess li għandu pajjiżna u l-kollaborazzjoni fuq fora internazzjonali bħal Commonwealth. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Investiment, l-Intrapriża u l-Industrija Devika Vidot u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justin Valentin.
Waqt iż-żjara uffiċjali fis-Seychelles, il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa wkoll mal-Viċi President Ahmed Afif. Hawnhekk kompla jiġi msaħħaħ il-messaġġ dwar il-bżonn li ż-żewġ pajjiżi jkomplu d-djalogu li nbeda bil-għan li l-kooperazzjoni tkun waħda aktar stabbli u sostnuta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en