STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Ministeri tal-Ambjent u tal-Edukazzjoni b’appoġġ lill-istudju tal-MFA Fun Fit 5
L-istudju janalizza l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku fis-saħħa tat-tfal
Il-Ministeru tal-Ambjent qed jassisti finanzjarjament fl-aħħar fażi tal-istudju Fun Fit 5 bħala parti mill-isforzi tiegħu favur l-iżvilupp sostenibbli. Dan l-istudju janalizza r-rabta bejn l-eżerċizzju fiżiku u l-iżvilupp fiżiku, psikoloġiku u akkademiku tat-tfal.
L-istudju, li ġie mniedi f'Ottubru bl-appoġġ tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, qed jiġi kkoordinat mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol (IFF) fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Futbol Malti (MFA), b'kollaborazzjoni mal-Istitut għas-Servizzi tal-Komunità fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST).
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbru din il-kollaborazzjoni matul sessjoni ta' taħriġ għat-tfal li qed jipparteċipaw f'dan l-istudju fil-Buskett.
L-istudju Fun Fit 5 għandu l-għan li jevalwa r-rwol tal-iskejjel biex iħeġġu lit-tfal jipparteċipaw f'eżerċizzji fiżiċi kuljum. Studenti tar-raba' sena mill-iskejjel primarji tar-Rabat, iż-Żejtun u l-Pietà qed jipparteċipaw fl-istudju permezz ta' sessjonijiet li qed jiġu organizzati mill-IFF. Ir-riċerkaturi tal-MCAST qed jevalwaw il-benefiċċji kwantifikabbli ta' dan it-taħriġ fiżiku fuq il-benesseri tat-tfal. L-istudju qed jidentifika wkoll modi ta' it-tfal jiġu mħeġġa jagħmlu aktar eżerċizzju fiżiku fl-iskejjel.
Il-Ministru Miriam Dalli rringrazzjat lil IFF, MCAST u lit-tfal tat-tliet skejjel għall-impenn tagħhom lejn dan l-istudju importanti. “Dan l-istudju jimxi id f'id mal-għanijiet tal-Istrateġija ta' Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050, li bħala Ministeru nedejna għall-konsultazzjoni pubblika s-sena li għaddiet. Il-mira numru 3 tal-Miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti issejjaħ lilna lkoll biex intejbu s-saħħa ta' kulħadd, f'kull età. Li nibdew inrawmu lit-tfal minn età żgħira lejn ħajja aktar b'saħħitha hija pass importanti għal futur sostenibbli," qalet il-Ministru.
Il-Ministru Dalli qalet li dan l-impenn jikkonferma wkoll l-importanza tal-ħidma li qed tagħmel Project Green biex toħloq aktar spazji miftuħa, ġonna u parks fil-komunitajiet tagħna, fejn kulħadd jista' jgawdi t-taħriġ fiżiku, logħob u attivitajiet rikreattivi oħra f'ambjent imdawwar bin-natura.
Il-Ministru Clifton Grima qal li l-programm pilota Fun Fit 5 jaspira li jkompli jġib bidla b'mod innovattiva fil-mod kif nifhmu, napprezzaw u norganizzaw l-eżerċizzju fiżiku fl-iskejjel Maltin.
“Nafu bl-impatt pożittiv li jġib miegħu l-isports u l-eżerċizzju fiżiku għal ħajja aktar b'saħħitha, u kif l-isport huwa proċess ta' matul il-ħajja li għandu jibda minn età żgħira. Għalhekk bħala Ministeru qed nagħtu s-sapport tagħna f'din l-inizjattiva bl-għan li t-tfal fl-iskejjel jkollhom eżerċizzju fiżiku aktar spiss sabiex jingħata l-importanza li jistħoqqlu. L-għan tagħna huwa li jkollna edukazzjoni li tħalli impatt pożittiv fuq il-benesseri tat-tfal tagħna," qal il-Ministru Grima.
Iċ-Chairman tal-IFF Gareth Sciberras, il-Kordinatur tal-Proġett Mark Gatt, il-Kap Eżekuttiv ta' Project Green Steve Ellul u d-Direttur tad-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli Francine Pace Caruana akkumpanjaw lil Ministri matul din l-attività.
Project Green, li wkoll qed tappoġġja l-istudju Fun Fit 5, qed twettaq diversi inizzjattivi biex aktar persuni jużaw l-ispazji miftuħa għat-taħriġ fiżiku tagħhom. Permezz tal-applikazzjoni online Park Fitness dawk li jżuru l-parks tal-aġenzija jistgħu jippruvaw eżerċizzji fiżiċi b'livelli differenti bl-għajnuna ta' filmati apposta. L-applikazzjoni online tinsab fis-sit project.green.
Għal aktar informazzjoni dwar Fun Fit 5 żur: https://bit.ly/3BfT4H1.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en