Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

pr230699
Date Icon 11/05/2023

Jitlesta l-proġett SmartAP li żviluppa soluzzjonijiet bl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali biex jgħinu lill‑bdoti fl-ajru 

F'konferenza, li għaliha kien preżenti s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, tħabbar li tlesta l‑proġett Smart Artificial Pilot (SmartAP) li żviluppa soluzzjonijiet ibbażati fuq l‑Intelliġenza Artifiċjali (AI) biex jgħinu lill‑bdoti fl-ajru.

Il-proġett irċieva madwar €200,000 taħt il-programm tar-riċerka u l-innovazzjoni nazzjonali, Fusion, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), u kien immexxi mill‑Istitut tat‑Teknoloġiji Aerospazjali fl‑Università ta' Malta f'kollaborazzjoni ma' QuAero Ltd., kumpanija lokali ta' konsulenza dwar l‑avjazzjoni.

Il-proġett indirizza speċifikament żewġ oqsma ewlenin problematiċi li jistgħu jseħħu waqt it‑titjira, it‑telf ta' kontroll (aerodynamic stall) u telf ta' għarfien tas‑sitwazzjoni. Għaldaqstant il-proġett ħareġ b'soluzzjonijiet li jgħinu lill‑bdoti jifhmu aħjar dak li qed jiġri u jkunu f'pożizzjoni aħjar biex jirkupraw l‑ajruplan jekk l‑awtomazzjoni tfalli.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li dan huwa pass ieħor li jqarreb lill-bniedem mat-teknoloġija. “It-teknoloġija hija għodda li rridu nagħmlu użu minnha sabiex tagħtina l-għajnuna meħtieġa, bħal dan il-proġett li se joffri l-assistenza meħtieġa lill-bdoti kollha permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali," tenna s-Segretarju Parlamentari. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li kienu nvoluti f'dan il-proġett, filwaqt li ħeġġeġ aktar riċerkaturi jimxu fuq il-passi tagħhom.

Iċ‑Chairman tal‑MCST Dr Tonio Portughese qal li l‑MCST se tkompli sservi bħala katalist fl‑oqsma tar‑riċerka u l‑innovazzjoni, permezz tal‑programmi ta' finanzjament tagħha u permezz tal‑involviment attiv li għandha biex tgħaqqad l‑istituzzjonijiet akkademiċi ma' atturi mis‑settur privat f'sinerġija sabiex jinkisbu l‑għanijiet mixtieqa.

Dr Ing. Jason Gauci, riċerkatur ta' SmartAP, qal li, “SmartAP wera ftit mill‑benefiċċji li l‑Intelligenza Artifiċjali tista' ġġib fil‑kabina tal‑bdoti, u wera kif l‑Intelligenza Artifiċjali tista' tgħin lill‑bdoti f'sitwazzjonijiet differenti. Hekk kif l‑Intelligenza Artifiċjali tkompli tavvanza, nistennew illi jkollha rwol ikbar, mhux biss fil‑kabina tal‑bdoti iżda fl‑ekosistema sħiħa tal‑avjazzjoni."

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow