STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Lejl Imkebbes - 30,000 xemgħa se jkunu qed jixegħlu ċ-Ċittadella u joħolqu atmosfera maġika
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li se jerġa' jittella' l-avveniment “Lejl Imkebbes" fiċ-Ċittaddella, ir-Rabat Għawdex, is-Sibt 20 ta' Mejju mis-7pm 'il quddiem.
Il-Ministru Camilleri qal li “Lejl Imkebbes" huwa attività mfittxija ħafna fejn aktar minn 30,000 xemgħa ta' kull forma jixegħlu t-toroq taċ-Ċittadella, u joħolqu atmosfera maġika mill-isbaħ f'din il-belt. Huwa stqarr li “l-gżira Għawdxija llum saret sinonima ma' attivitajiet kulturali ta' livell għoli li kulma jmur qegħdin jattiraw bosta viżitaturi lejn Għawdex u saru parti mill-kalendarju kulturali annwali. Fosthom insibu dan l-avveniment tant imfittex li jdawwal is-sit medjevali taċ-Ċittadella".
Wieħed mill-organizzaturi ta' din l-attività, Quinton Scerri, qal li waqt il-festival se jkun hemm artisti li jinstallaw numru ta' artifatti magħmulin bix-xemgħat fi tliet żoni ewlenin taċ-Ċittadella. Barra minn hekk, din is-sena se jiġu installati numru ta' artifatti uniċi madwar iċ-Ċittadella biex iżidu mal-maġija tal-lejl. Se jkun hemm ukoll bosta attivitajiet għal kulħadd b're-enactments storiċi, dħul b'xejn fil-mużewijiet, ftuħ ta' postijiet pubbliċi oħra ta' interess, divertiment live, u attivitajiet għat-tfal.
Il-kantant Malti Aidan li dan l-aħħar ipproduċa wħud mill-akbar suċċessi lokali se jingħaqad għall-edizzjoni ta' din is-sena ta' “Lejl Imkebbes", b'kunċert live, l-ewwel wieħed f'Għawdex. Aidan, flimkien mal-mużiċisti tiegħu, mistennija jagħtu kunċert enerġetiku ta' sagħtejn fil-foss taċ-Ċittadella, li jinkludi kanzunetti bħal 'Ritmu', 'Naħseb Fik', 'Reġina', 'Pupa' fost melodiji popolari oħra mir-repertorju tiegħu u lil hinn.
Kantanti, atturi, żeffiena, u mużiċisti oħra se jkunu qed jagħtu divertiment ukoll madwar iċ-Ċittadella u fuq il-palk ewlieni fil-foss taċ-Ċittadella. Gruppi ta' reenactment se jduru fit-toroq taċ-Ċittadella biex joħolqu mill-ġdid aspetti ta' ġrajjiet storiċi li jagħtu l-ħajja lill-passat. Barra minn hekk, stands tal-ikel li joffru kemm ikel Malti kif ukoll ikel ieħor għandhom jagħmlu dan l-avveniment lejl li jolqot il-gosti u l-etajiet kollha.
Dan il-festival mingħajr ħlas huwa mtella' b'kollaborazzjoni tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi ħeġġeġ lil kulħadd iżur iċ-Ċittadella għal dan il-lejl maġiku li se joffri divertiment għall-familja kollha.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en