STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Tittella’ attività għall-pubbliku dwar il-fondi Ewropej u servizzi oħra marbuta mal-UE biex tiċċelebra Jum l-Ewropa
Jum l-Ewropa ġie ċċelebrat illum b'attività għall-pubbliku quddiem il-Parlament, fil-Belt Valletta. L-Ewropa kollha, f'dan il-jum, tiċċelebra l-proġett Ewropew li beda 73 sena ilu minn ħolma ta' viżjonarji bħal Robert Schuman li ngħaqdu flimkien biex il-paċi u l-għaqda fil-kontinent Ewropew isiru realtà.
L-attività serviet biex il-pubbliku jkun jaf aktar dwar il-benefiċċji, l-opportunitajiet, id-drittijiet u l-obbligi li ġġib is-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, partikolarment dawk marbuta mal-fondi Ewropej u ma' drittijiet u opportunitajiet li għandhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Bit-tnedija tal-pakkett il-ġdid ta' €2.2 biljun f'fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta għall-perjodu 2021-2027, il-pubbliku kellu l-opportunità jkun jaf aktar dwar fejn se jintefqu dawn il-fondi u kif setturi differenti tas-soċjetà jistgħu jibbenefikaw minnhom fis-snin li ġejjin.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-bidu tal-attività, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li, “Waqt din l-attività qed naraw biss porzjon żgħir mill-opportunitajiet u benefiċċji li ġġib magħha s-sħubija ta' pajjiżna fl-UE. Ma' dawn l-opportunitajiet, tajjeb ukoll li nifhmu l-obbligi tagħna bħala ċittadini u bħala nazzjon. Kif spjegajna fit-tnedija tal-pakkett il-ġdid ta' fondi Ewropej, irridu aktar minn qatt qabel li flimkien mal-gvern ikunu n-nies li direttament isawru l-viżjoni tagħna għal Malta. Il-kelma flimkien, tirrappreżenta l-unjoni li jrid ikollna bħala nazzjon, u flimkien nistgħu nilħqu l-viżjoni ta' dan il-gvern ta' futur aħjar għalina u għal ta' warajna."
Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Aġenzija Servizzi Ewropej f'Malta, Denise Fiorentino qalet li l-Aġenzija sservi ta' għodda importanti biex pajjiżna jieħu l-aħjar opportunitajiet u benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. “Il-missjoni tagħna hi li nagħmluha iktar faċli għal kull min jixtieq japplika għall-finanzjament ta' proġetti bil-fondi Ewropej u għal dawk li jkunu jixtiequ assistenza waqt l-implimentazzjoni tal-proġetti," qalet is-Sinjura Fiorentino.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Kap tal-Komunikazzjoni tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta Mark Vella u l-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta Mario Sammut.
Uffiċjali minn 12-il entità, li joffru servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea, kienu preżenti biex jagħtu informazzjoni lill-pubbliku. L-entitajiet kienu: Servizzi Ewropej f'Malta; Europe Direct Valletta; Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta; l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta; l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil; Karrieri fl-UE; European Employment Services (EURES); EU Programmes Agency (EUPA); SOLVIT Malta; iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumaturi; Entitlement Unit (Ministeru għas-Saħħa) u MyScholarships (Ministeru għall-Edukazzjoni).
Waqt l-attività ttella' wkoll programm ta' mużika u koreografija minn studenti mill-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva, kif ukoll kwiżż għal studenti minn skejjel sekondarji organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en