STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ Tliet ftehimiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Gvern tal-Etjopja
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg iffirma tliet ftehimiet ta' kollaborazzjoni mal-Gvern tal-Etjopja waqt laqgħa bilaterali li kellu mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Demeke Mekonnen. Dawn it-tliet ftehimiet huma fis-settur tas-servizzi tal-ajru, taħriġ għad-diplomatiċi u anke fis-settur turistiku.
Matul din il-laqgħa Dr Borg tenna li din hija l-ewwel żjara ta' Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti ġewwa l-Etjopja u turi r-rieda li għandu pajjiżna sabiex, kif hemm elenkat fl-istrateġija għall-politika barranija, inkomplu nkabbru r-relazzjonijiet tagħna ma' pajjiżi strateġiċi fil-kontinent tal-Afrika.
“Il-ftehim li ffirmajna llum, b'mod partikolari fejn jidħlu s-servizzi tal-ajru, huwa wieħed importanti ferm għaliex b'hekk noffru l-pjattaforma neċessarja sabiex tkompli tiġi evalwata l-possibilità ta' konnettività diretta bejn iż-żewġ pajjiżi biex titwitta t-triq għal aktar kummerċ," kompla jgħid il-Ministru Borg.
Il-Ministru Borg kompla jiddiskuti mal-Ministru Mekonnen numru ta' setturi ta' kummerċ li fihom potenzjalment jista' jkun hemm aktar kooperazzjoni, fosthom il-manifattura, is-servizzi, il-farmaċewtika u anke dak diġitali, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Etjopja Demeke Mekonnen tenna kif din iż-żjara hija waħda sinifikanti u l-Gvern tal-Etjopja japprezza li sentejn ilu Malta ddeċidiet li jkollha rappreżentanza ġewwa l-Etjopja. Huwa rringrazzja lil Malta tal-kontribut bilanċjat li dejjem offriet f'fora multilaterali dwar il-kontinent Afrikan.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en