STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ: Skemi finanzjarji għall-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, ħabbar il-ftuħ ta’ numru ta’ applikazzjonijiet għal skemi finanzjarji differenti indirizzati lejn il-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin.
F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li dawn il-miżuri jagħmlu parti mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali li issa qed jasal fi tmiemu, kif ukoll taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għal Malta li se jkopri s-snin 2023-2027 u li b’kollox hemm allokat madwar €167 miljun.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li fost dawn l-iskemi hemm dawk li jikkonsistu f’pagamenti marbuta mal-art agrikola u mal-annimali fejn madwar 6,000 bidwi Malti u Għawdxi fl-aħħar jiem irċieva l-applikazzjoni sabiex ikun jista’ jieħu l-pagamenti, li b’kollox ser jammontaw għal madwar €9.5 miljun.
Huwa semma li fost l-iskemi mħabbra hemm ukoll dawk indirizzati biex iħeġġu bdiewa u raħħala żgħażagħ ikomplu fis-settur agrikolu kif ukoll oħrajn immirati lejn prattiċi li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent.
Il-Ministru Refalo ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li għaddew, miżura li kienet ippreżentata minn Malta ġiet approvata mill-Kumissjoni Ewropea. Din il-miżura se toffri għajnuna temporanja lill-raħħala affettwati b’mod partikolari mill-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna. Għaldaqstant, raħħala li jżommu l-baqar, nagħaġ u mogħoż ser jirċievu sa massimu ta’ €15,000.
“Il-Gvern kommess li jkompli jaħdem id f’id mal-bdiewa u r-raħħala sabiex dejjem naraw li s-settur agrikolu jkompli jimxi dejjem ’l quddiem u fuq kollox nissalvagwardjaw il-bdiewa u r-raħħala tagħna li jaħdmu qatigħ biex ikunu jistgħu jwasslulna prodotti lokali ta’ kwalità,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li “huwa importanti li nkomplu nagħmlu użu minn dawn il-fondi, għaliex il-fondi Ewropej huma fondi tan-nies. Għaldaqstant irridu naraw aktar persuni jagħmlu użu mill-istess fondi li jwasslu għal aktar investimenti u naraw aktar proġetti jieħdu l-ħajja.”
Dawk eliġibbli għal dawn l-iskemi għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA), sabiex jirċievu l-pagament dovut.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://agrikoltura.gov.mt/en/arpa/Pages/ARPAhome.aspx jew iċempel fuq 22926148.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en