STQARRIJA MIL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA Inwettqu Flimkien: Il-gvern jirdoppja l-għajnuna għan-negozji biex isiru aktar sostenibbli
Negozji jistgħu jibbenefikaw sa €140,000 bl-iSmart and Sustainable Investment Grant
Negozji lokali li qed jinvestu fi proġetti biex isiru ambjentalment aktar sostenibbli issa jistgħu jirċievu sa massimu ta' €140,000 f'għajnuna mill-gvern hekk kif Malta Enterprise qed testendi l-iskema Smart and Sustainable Investment Grant għal sena oħra.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret kif il-gvern qed jirdoppja l-investiment għal din l-iskema biex b'hekk negozji jibbenefikaw sa massimu ta' €100,000 f'għajnuna finanzjarja, li tista' tiġi estiża b'€40,000 oħra fi krediti tat-taxxa. Il-ministru ħabbret dan waqt żjara lill-ħaddiema tal-kumpanija tal-manifattura OLI Vibra Ltd, f'Ħal Far.
Din l-iskema tipprovdi għajnuna finanzjara lin-negozji biex ibiddlu l-operat tagħhom għal wieħed aktar sostenibbli u effiċjenti. Din l-iskema taqa' taħt ir-regoli de minimis.
OLI Vibra Ltd, sussidjarja tal-kumpanija internazzjonali tal-manifattura t'apparat industrijali speċjalizzat OLI, hija fost il-kumpaniji li qed jibbenefikaw mill-iSmart and Sustainable Investment Investment Grant. Permezz ta' din l-iskema, din il-kumpanija qed tinvesti f'makkinarju aktar effiċjenti u sostenibbli li se jnaqqas il-proċessi tagħha b'aktar minn 40% u jnaqqas il-konsum tal-enerġija b'60%. B'hekk, il-kumpanija qed tnaqqas mas-7,500 kilogramma ta' emissjonijiet tal-karbonju fis-sena.
Ġie spjegat li permezz ta' dan it-titjib fl-iskema Smart and Sustainable Investment Grant, il-kreditu tat-taxxa li jistgħu jibbenefikaw minnu l-kumpaniji, jista' jfisser żieda ta' 10% sa 20% fl-ammont tal-proġett, sa massimu ta' €40,000, jekk jitwettaq minn kumpanija li tkun ilha mwaqqfa inqas minn tlett snin, jekk il-proġett ikun kopert b'ċertifikat indipendenti ta' energy audit, jew jekk il-proġett jinkludi investiment f'Għawdex.
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet fuq l-importanza li kull qasam tal-ekonomija jegħleb l-isfidi ambjentali u jimxu lejn id-dekarbonizazzjoni u s-sostenibbilità.
“Skemi bħal Smart and Sustainable Investment Grant jiġġeneraw ħafna interess fost il-kumpaniji, fejn inħeġġuhom jinvestu f'teknoloġiji aktar effiċjenti u nodfa. B'hekk ikollna aktar u aktar kumpaniji li joperaw b'mod sostenibbli. Fl-istess waqt, investimenti bħal dawn joħolqu opportunitajiet ta' karrieri ġodda, speċjalment fl-ekonomija l-ħadra," qalet il-Ministru Dalli.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif Malta Enterprise dejjem kienet t'għajnuna għan-negozji. Kompla li numru ta' kumpaniji diġà bbenefikaw minn din l-iskema u ħafna oħrajn se jkomplu jirċievu l-għajnuna hekk kif issa l-iskema qed tiġi estiża u mtejjba. Studji juru kif kumpaniji li ma jqisux is-sostenibbiltà bħala waħda mil-valuri ewlenin tagħhom isiru ferm inqas kompetittivi.
“F'diversi diskussjonijiet li jkollna man-negozji nnutajna li jkun hemm diversi sfidi biex jilħqu l-miri tas-sostenibbiltà. Għalhekk aħna irridu nkunu t'għajnuna għal dawn il-kumpaniji anke f'dan ir-rigward. Iridu li n-negozji tagħna jkunu fuq quddiem nett fil-qasam tas-sostenibbiltà u prattiċi innovattivi," spjega Kurt Farrugia.
Għal aktar informazzjoni fuq l-iskema Smart and Sustainable Investment Grant, żur maltaenterprise.com.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en