Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Inwettqu Flimkien: Imnedija skemi oħra sabiex jindirizzaw anomaliji tal-imgħoddi

pr230601
Date Icon 26/04/2023

Għal darb'oħra l-gvern żamm il-kelma tiegħu sabiex ikomplu jiġu indirizzati anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi hekk kif imwiegħed fil-manifesti elettorali, biex b'hekk il-gvern se jkun investa mal-€85 miljun fuq medda ta' 7 snin.

Dan l-aħħar pagament se jkun qed jinkludi żewġ skemi, dik għall-eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku. Skema oħra hija għal dawk li wkoll kienu fil-korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku;  kif ukoll għall-eks impjegati tal-Gas Board u grupp żgħir ta' eks apprentisti tal-Malta Electricity Board li ġew trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.

Madwar 4,600 persuna ser ikunu intitolati għall-għotjiet li jitħallsu skont it-termini tal-iskemi mfassla mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal bi qbil mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.  Bejniethom b'kollox mistennija jitħallsu madwar €8 miljun.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.

It-termini u kundizzjonijiet tal-iskemi ser jiġu ppublikati fil-ħarġa li jmiss tal-Gazzetta tal-Gvern. Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fl-aħħar ta' Lulju u l-ħlasijiet isiru wara proċess ta' verifika aktar tard matul is-sena.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem dwar l-iskema għal persuni li daħlu fis-servizz pubbliku u spjega li din tgħodd għal dawkil-persuni li daħlu fis-servizz pubbliku wara s-16 ta' Jannar 1979 u li qabel din id-data għamlu xi żmien iservu f'dipartimenti tal-Gvern, iżda mhux bħala uffiċjali pubbliċi.

Bejn wieħed u ieħor, f'dawn is-6 snin medja ta' 3,000 persuna eliġibbli jew l-eredi tagħhom ibbenefikaw mill-għotjiet li ngħataw għas-snin ta' servizz li għamlu sakemm irtiraw mis-servizz pubbliku. Sa issa huma tħallsu b'kollox €35.7 miljun.

“Nifhmu li ser ikun hemm numru ta' persuni eliġibbli għall-iskema li iżda ser jirtiraw wara li tagħlaq l-iskema din is-sena.  Irridu minn issa nserħulhom rashom li mhux ser ninsewhom, tant li fis-sejħa li ser noħorġu ser nitolbuhom japplikaw xorta waħda u jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.  Ser tittieħed nota tal-applikazzjoni tagħhom sabiex skont meta jasal iż-żmien li jirtiraw mis-servizz jew meta jilħqu l-età tal-irtirar, skont liema tiġi l-ewwel, l-applikazzjoni tagħhom tiġi attivata. Dawk il-persuni li diġà ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom u għadha pendenti m'għandhomx għalfejn japplikaw mill-ġdid," spjega l-Ministru Michael Falzon.  

Din is-sena żdiedet kategorija oħra ta' ħaddiema li kienu daħlu mal-Korporazzjoni Telemalta bejn Jannar tal-1978 u Jannar tal-1979, u li naqsu li jikkwalifikaw għall-pensjoni tas-servizz.  Wara li ġie vverifikat il-każ, ġie konfermat li dawk il-ħaddiema li kienu impjegati fil-perjodu imsemmi, it-talba tagħhom għall-kumpens kienet timmerita kunsiderazzjoni u l-applikazzjonijiet tagħhom ser jiġu kkunsidrati skont t-termini ta' din l-iskema.

Il-Ministru Michael Falzon spjega li dan l-impenn beda' fl-2017 bi skemi maħsuba għall-eks membri tal-korpi u oħrajn, eks ħaddiema tax-xatt, membri tal-korp tal-pulizija, kif ukoll eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board. L-iskemi tal-pulizija, tal-Malta Electricity Board u tal-eks ħaddiema tax-xatt issa ngħalqu. 

Ġie spjegat li l-iskemi ma japplikawx għal persuni li kienu f'wieħed mill-korpi mwaqqfa wara l-1979, u  persuni li qed jirċievu jew għandhom id-dritt għall-pensjoni tas-servizz.

F'każ ta' mewt ta' applikant eliġibbli, trid issir applikazzjoni mill-ġdid mill-armla jew mill-eredi awtorizzat/a. Dan japplika wkoll  f'każ ta' mewt ta' eredi awtorizzat/a.  L-eredi l-oħra jridu jawtorizzaw min fosthom ser ikun jirrappreżentahom billi jissottomettu applikazzjoni ġdida flimkien ma' dikjarazzjoni magħmula quddiem nutar li fiha jniżżlu l-isem u d-dettalji tal-eredi awtorizzat/a.

Ġie spjegat ukoll li fil-każ ta' persuni li kienu jaħdmu mal-Korporazzjoni Telemalta, l-iskema ma tapplikax għal dawk li jikkwalifikaw għall-pensjoni tas-servizz jew huma diġà eliġibbli u qed jirċievu ħlasijiet skont t-termini ta' din l-iskema, jew xi skemi oħra simili, jew li bbenefikaw minn xi rimedji li ngħataw mill-qrati jew b'xi mezz ieħor. Iżda talbiet minn persuni oħra li kienu impjegati mal-Korporazzjoni Telemalta qabel il-perjodu msemmi, jistgħu jiġu kkunsidrati fl-iskema kemm il-darba jissodisfaw il-kriterji l-oħra imsemmija ta' eliġibilita'.

Tabella tal-benefiċjarji u l-ħlasijiet s'issa

Nefqa u benefiċjarji 2017 - 2022
Persuni€'000
Skema tal-pulizija2,5008,173
Skema ħaddiema tax-xatt65018,542
Skema servizz pubbliku2,96435,708
Skema Parastatali1,6003,478
Malta Electricity Board25010,650
Total7,96476,551

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL Inwettqu Flimkien: Imnedija skemi oħra sabiex jindirizzaw anomaliji tal-imgħoddi
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow