STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA Inwettqu Flimkien: Jibdew jitqassmu l-ewwel mediċini tal-osteoporożi mill-POYC
Wara li fil-ġimgħat li għaddew ġie ppubblikat avviż legali li, permezz tiegħu, żdiedet il-kundizzjoni tal-osteoporożi fil-lista tal-kundizzjonijiet għal trattament mediku bla ħlas, din il-ġimgħa bdew jitqassmu l-ewwel grupp ta' mediċini użati għal din il-kundizzjoni fl-ispizeriji tal-Pharmacy of Your Choice (POYC).
Waqt żjara fil-maħżen tac-CPSU, l-entita' li tixtri l-mediċini u tagħmir mediku għas-sistema tas-saħħa pubblika, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, spjega kif l-ewwel trattamenti li żdiedu fuq il-formularju tal-gvern għall-osteoporożi huma l-Calcium u l-Vitamina D u kif magħhom se jingħaqdu mediċini oħrajn għal din il-kundizzjoni b'mod gradwali.
Huwa stmat li madwar 20,000 persuna tbati mill-osteoporożi f' pajjiżna u li fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma persuni ta' 'l fuq minn ħamsin sena. Dawn il-persuni issa jistgħu jirrikorru għand it-tabib jew speċjalista tagħhom sabiex japplikaw għall-intitolament tal-karta s-safra u b'hekk jissieħbu fl-iskema tal-ispizjar tal-għażla tiegħek.
Id-Deputat Prim Minsitru rringrazzja lill-ħaddiema tac-CPSU tal-impenn tagħhom biex jissupplixxu lis-sistema tas-saħħa bil-mediċini neċessarji għall-pazjenti minkejja l-kriżi internazzjonali fil-provvista tal-mediċini. Huwa fakkar li tul din l-ewwel sena ta' leġiżlatura ġdida diġa' huma sebgħa l-mediċini ġodda li żdiedu fuq il-formularju filwaqt li twessa' iżjed l-intitolament għall-mediċini eżistenti sabiex żdiedu l-persuni li qegħdin jirċievu l-mediċini bla ħlas.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en