Inwettqu Flimkien: Inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Munxar b’investiment ta’ madwar €1 miljun L-ikbar investiment infrastrutturali li qatt sar fil-Munxar
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura l-proġett ta' riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Munxar, Għawdex, b'investiment ta' madwar €1 miljun. Ir-riġenerazzjoni ta' din il-pjazza hija ħolqa oħra importanti minn katina ta' proġetti sabiex postijiet pubbliċi jsiru aktar aċċessibbli u jibdew joffru ambjent mill-isbaħ lill-Għawdxin u anke lill-viżitaturi.
“Flimkien qegħdin inwettqu dak li nwiegħdu. B'finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex u flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Munxar ħdimna sabiex il-Pjazza tal-Munxar tiġi riġenerata. Dan huwa l-akbar investiment infrastrutturali li qatt sar fil-Munxar. Proġett ta' riabilitazzjoni ta' żona oħra bil-għan li nkomplu nsebbħu l-irħula u ċ-ċentru tal-lokalitajiet Għawdxin fejn jiltaqgħu n-nies," tenna l-Ministru Camilleri.
Huwa spjega li f'din il-pjazza żdiedu ż-żoni pedonali b'pavimentar ġdid li ta dehra ġdida lill-istess pjazza. Dan il-proġett sar ukoll fl-isfond ta' diversi miri sostenibbli. Dan għaliex fl-istess proġett inbena ġibjun għall-ilqugħ tal-ilma, li se jkun qed jintuża sabiex, b'sistema ġdida ta' irrigazzjoni, jissaqqew numru ta' siġar indiġeni li tħawlu fl-istess pjazza. Dan flimkien ma' sistema ġdida ta' dawl effiċjenti, li qiegħed idawwal il-pjazza u fl-istess waqt inaqqas l-użu tal-elettriku.
Il-ministru sostna li dan il-proġett qed jagħti dehra ġdida liċ-ċentru tar-raħal u qed jagħmel il-pjazza aktar aċċessibbli u b'hekk tista' titgawda aktar mir-residenti tal-Munxar u mill-pubbliku. Huwa stqarr li l-Gvern jibqa' kommess li l-gżira Għawdxija tkompli toffri ambjent mill-isbaħ lill-Għawdxin, lill-Maltin u lill-barranin li jżuruha. Dan il-proġett huwa pass ieħor sabiex jintlaħaq dan l-għan.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri qal li dan il-proġett hu riżultat ta' ħafna xogħol, sfidi u determinazzjoni. Huwa kompla li grazzi għall-għajnuna finanzjarja u l-appoġġ tal-Ministeru setgħu jimplimentaw dan il-proġett.
Il-Ministru Camilleri kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex il-proġett tal-Pjazza tal-Munxar seta' jkun possibbli u tenna li “kommessi li flimkien inkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet u nkomplu nwettqu aktar proġetti għall-ġid tal-poplu Għawdxi u Malti."
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942