STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Inwettqu Flimkien – Aktar serħan il-moħħ għall-bdiewa u s-sidien tar-raba’
Ippubblikati regolamenti għall-valutazzjoni tal-qbiela ta’ art agrikola mogħtija mill-privat
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar l-introduzzjoni ta’ avviż legali bħala parti mir-riforma tal-art agrikola.
Il-Ministru spjega kif l-għan wara l-liġi sussidjarja hija sabiex tipprovdi prezz ġust u xieraq għall-qbiela tar-raba’ agrikola, u fl-istess ħin toffri aktar ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ fil-qasam. Dan filwaqt li se tkun mibnija fuq il-prinċipju li l-prezz tal-qbiela għandu jkun proporzjonat mal-użu tal-art agrikola.
Hawnhekk ġie spjegat kif wara li f’Novembru li għadda ġiet varata l-white paper dwar ir-riforma tal-art agrikola, il-Ministeru rċieva numru kbir ta’ kummenti mis-settur, ħaġa li wriet biċ-ċar l-interess kbir li hemm fuq din il-kwistjoni kif ukoll il-bżonn tar-riforma.
“Bħala Gvern mal-ewwel bdejna naħdmu fuq il-proposti li tajtuna u bi pjaċir illum varajna l-ewwel pass tant meħtieġ għal din ir-riforma. B’hekk qed nuru kif dan il-Gvern dak li jwiegħed iwettqu. Studjajna bir-reqqa u b’serjetà l-kwistjoni, u konxji li r-riforma hija waħda ambizzjuża u profonda, imma hija wkoll waħda bilanċjata u msejsa fuq il-proporzjonalità. Fuq kollox imma, hija waħda urġenti u neċessarja,” saħaq il-Ministru Refalo.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Agrikoltura Marco Dimech ta dettalji dwar il-valur li għandu jistabbilixxi l-Gvern abbażi tal-art agrikola għal kull tumolu, liema valur huwa maħdum abbażi ta’ dħul għall-valutazzjoni ta’ art ibbażat fuq Farm Accountancy Data Network. Dan il-valur għandu jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern u għandu jiġi rivedut kull 5 snin.
Il-Ministru Anton Refalo għamel ukoll referenza għat-tibdil li sar f’Kapitlu 199 tal-Liġijiet ta’ Malta li jirregola l-qbiela ta’ art agrikola, fejn spjega kif permezz tal-linji gwida li ser jippublika l-Gvern, ser jassiguraw li l-prezzijiet tal-qbiela tar-raba jkunu ġusti. Il-valuri ppublikati ser jirriflettu diversi fatturi bħall-fond tal-ħamrija, l-aċċess għall-ilma u l-aċċess għat-toroq, fost oħrajn, u b’hekk jassiguraw li ma jkunx hemm varjazzjoni ta’ stimi għall-istess art agrikola.
Ta’ min ifakkar kif din ir-riforma qed tara li jintlaħaq bilanċ bejn iż-żewġ naħat, jiġifieri sid ir-raba’ u l-bidwi. Dan filwaqt li jiġu garantiti s-sostenibbiltà tal-biedja—qasam li jaħdmu fih 7,500 bidwi—il-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel, u l-ħarsien tal-ambjent rurali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942