STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Inwettqu Flimkien - Imnedija Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Liċenzjar tal-Kuntratturi
Mingħajr liċenzja ħadd mhu se jkun jista' jaħdem fil-kostruzzjoni
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi nieda konsultazzjoni pubblika dwar Avviż Legali li se joffri qafas għal Liċenzjar tal-Kuntratturi. Huwa qal li bid-dħul fis-seħħ ta' dawn ir-regolamenti se ssir distinzjoni ċara bejn kuntratturi serji u responsabbli fil-mod kif jaħdmu u dawk li jridu jaħdmu b'metodi inaċċettabbli, b'nuqqas ta' responsabbiltà u ta' kwalità skadenti.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li bid-dħul tar-regolamenti l-ġodda, ix-xogħol irid isir b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta' terzi persuni u bl-inqas impatt fuq il-madwar u bl-inqas inkonvenjent possibbli. Ix-xogħol irid isir minn min għandu l-ħiliet meħtieġa fil-kostruzzjoni. Il-pajjiż u l-pubbliku qed jistenna li dan is-settur jitħaddem minn min ikun serju fil-mod kif jaħdem, li juża l-aqwa standards u jkun responsabbli ta' kull pass li jagħmel fix-xogħol tiegħu.
Il-Ministru stqarr li din hija l-ewwel darba li ser tkun introdotta Liċenzja għall-Kuntratturi b'qafas ta' regolamenti stabbiliti għal dawk li jridu joperaw fis-settur. Fl-ewwel fażi l-Liċenzji li se jinħarġu huma għal dawk li jwettqu xogħol ta' twaqqigħ, skavar jew tqattigħ u xogħol ta' bini. Il-Ministru żied jgħid li l-bidla li se sseħħ b'din ir-riforma hija waħda radikali li għandha tħalli impatt pożittiv u li twassal għal kwalità ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni, jissaħħaħ l-infurzar u tiddaħħal aktar serjetà għall-ġid ta' kulħadd.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni Jesmond Muscat ta dettalji dwar kif qed ikun propost li taħdem is-sistema tal-Liċenzjar tal-Kuntratturi fejn fost affarijiet oħra, kull min jaħdem fis-setturi tat-twaqqigħ, skavar u tqattigħ, jew bini irid bejn l-1 ta' Ġunju u l-31 ta' Ottubru 2023 jagħmel applikazzjoni mal-Awtorità biex tinħariġlu l-Liċenzja.
L-Awtorità, bis-setgħa tal-emendi fil-Liġi, se taħtar il-Kumitat għal-Liċenzji tal-Kuntratturi bis-setgħa li joħroġ il-liċenzji. Wara l-1 ta' Novembru ta' din is-sena, min ma jkunx applika għal-Liċenzja ma jkunx jista' jopera fis-settur. Waqt li jkunu qed jiġu evalwati l-applikazzjonijiet, l-Awtorità ser toħroġ Provisional Clearance jew Liċenzja sħiħa jekk dawk li japplikaw ikunu laħqu l-kriterji mitluba mir-regolamenti. Ingħad ukoll li min japplika wara l-1 ta' Ġunju 2024, irid jistenna l-proċess li tinħariġlu l-Liċenzja biex ikun jista' jaħdem. Imbagħad mill-1 ta' Jannar 2025 dawk il-kuntratturi li ma jkollhomx Liċenzja għal Twaqqigħ, Skavar jew Bini mhux se jkunu jistgħu jaħdmu. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru għal aktar minn liċenzja waħda minn dawk li joperaw f'aktar minn settur wieħed minn dawn it-tlieta.
Fost il-kriterji mitluba hemm dawk li l-applikanti jridu jagħtu prova ta' ħiliet fl-oqsma li għalihom ikunu qed japplikaw u fil-każ tal-bini, l-applikanti jridu jew ikunu Bennejja Liċenzjati huma stess jew ikollhom impjegat b'Liċenzja ta' Bennej. Kriterji oħra importanti huma li l-applikanti jrid ikollhom polza ta' assigurazzjoni li tkopri l-operat tagħhom u f'każ li jimpjegaw in-nies, irid ikollhom employers' liability insurance.
L-Abbozz tal-Avviż Legali jinsab għall-Konsultazzjoni Pubblika li tagħlaq fil-21 ta' April li ġej. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu minn https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/default.aspx u https://bca.org.mt/licensing-of-contractors/. Suġġerimenti dwar l-abbozz ta' regolamenti jistgħu jintbagħtu wkoll fuq consultation.construction@gov.mt
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en