STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA Il-Ministru Jonathan Attard jattendi għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja fi Brussell
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard attenda għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Ġustizzja fi Brussell. Il-laqgħa ffukat fuq diversi temi fosthom l-Aċċess għall-Ġustizzja u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE.
Id-diskussjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja tat opportunità lill-Istati Membri sabiex jiddiskutu inizjattivi li qed jittieħdu biex tiġi indirizzata sfida komuni fost diversi pajjiżi, dik marbuta mal-effiċjenza tal-proċeduri ġudizzjarji fi żmien raġonevoli.
Waqt din id-diskussjoni, il-Ministru Jonathan Attard tenna kif f'Malta qed issir ħidma estensiva f'dan il-qasam biex jassiguraw li l-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli.
“F'Malta llum għandna l-akbar numru ta' ġudikatura fl-istorja, qed isir investiment bla preċedent fl-infrastruttura, inkluż dik diġitali, fir-riżorsa umani u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Qed ikomplu jiġu implimentati riformi leġislattivi intiżi li jkomplu jimmodernizzaw il-liġijiet u jżidu l-effiċjenza," tenna l-Ministru Attard.
F'dan ir-rigward il-Ministru semma kif fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titnieda konsultazzjoni pubblika dwar il-proċess tal-kumpilazzjoni u sussegwentament jitressqu l-emendi legali neċessarji fil-Parlament Malti.
Dwar is-suġġett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u spazju ċiviku, il-Ministru Jonathan Attard spjega kif Malta diġà ressqet numru ta' abbozzi li jsaħħu u jipproteġu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Huwa saħaq li “F'Malta l-abbozz ta' liġi kontra l-iSlapp jinsab fl-Ewwel Qari u fuq livell Ewropew qed nappellaw biex f'dan l-istadju ma tiddgħajjifx il-proposta tad-direttiva kontra l-iSlapp".
Il-Ministri tal-UE tal-Ġustizzja ddiskutew ukoll il-ġlieda kontra l-impunità relatata mar-reati kriminali tal-aggressjoni Russa, il-konfiskar u rkupru tal-assi u l-ġlieda kontra r-razziżmu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942