Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR 65 perit jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom

pr230375
Date Icon 10/03/2023

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi ppreżenta l-warrant lil 65 perit li temmew il-kors ta’ studju tagħhom u għaddew mill-eżami tal-warrant biex issa jkunu jistgħu jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom.

F’diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem dwar is-sinifikat tal-għoti tal-warrant lil nies professjonisti bħal periti bħala rikonoxximent mill-istat lejhom biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom – rikonoxximent li għandu marbuta miegħu diversi dmirijiet u responsabbiltajiet lejn l-istess professjoni u lejn is-soċjetà.

Huwa fisser ir-responsabbiltajiet tal-periti sa minn meta jiġi disinjat proġett sakemm jitlesta, fejn sostna li kull proġett għandu impatt fuq il-madwar u l-periti għandhom ikunu sensittivi għal kull impatt. “Ix-xogħol tagħkom se jsawwar id-dinja ta’ madwarna u għandu impatt dejjiemi fuq dawk li jgħixu fil-bini li tfasslu. Hija responsabbiltà tremenda, u waħda li teħtieġ impenn profond u kollettiv,” sostna l-ministru.

Il-ministru semma d-djalogu kontinwu li jsir u li se jkompli jsir bejn il-professjonisti u l-partijiet interessati kollha biex issir qabża ta’ kwalità fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. Huwa semma wkoll id-diversi riformi li se jkunu qed jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin biex ir-responsabbiltajiet ta’ kull minn hu involut fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni jkunu ċari, fosthom l-abbozz dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi. Dan se jinkludi bidliet leġislattivi robusti li se jsiru għall-ewwel darba f’dan is-settur li jolqot b’mod dirett il-professjoni tal-periti, f’kull fażi tiegħu. 

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm id-diskors tiegħu billi fakkar lill-periti fl-importanza tal-kodiċi tal-etika bħala l-gwida fix-xogħol tagħhom, biex jirrispettaw l-ambjent u jaħdmu favur ekonomija ċirkulari, biex ikun protett il-konsumatur u jitħarsu s-sigurtà u s-saħħa pubblika. Huwa appellalhom sabiex jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ policies nazzjonali u li jkunu attivi biex ikomplu jkabbru r-rilevanza tal-professjoni tagħhom.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR 65 perit jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR 65 perit jirċievu l-warrant biex jibdew jipprattikaw il-professjoni tagħhom
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vulnerabbiltajiet klimatiċi ta’ Malta u r-rwol tal-parlamenti waqt laqgħa parlamentari tal-IPU marbuta mal-COP31 fit-Turkija

PR261942

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra jisħaq fuq il-vu...

Aktar Stqarrijiet Right arrow