STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ Għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fuq it-Torri tal-Arloġġ tal-Imtarfa
Għaddej ġmielu x-xogħol ta’ restawr fuq il-proġett tat-Torri tal-Arloġġ fl-Imtarfa. Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żaru x-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa.
Ġie spjegat li matul is-sena li għaddiet tlesta r-restawr tal-faċċata, tal-binja minn ġewwa, tal-aperturi u l-ħadid u saret ukoll installazzjoni ġdida ta’ dawl kemm fuq ġewwa u fuq barra. Tlesta wkoll it-twaqqigħ tal-binja li kienet fis-sit u flokha nbniet il-binja ġdida li ser isservi ta’ Ċentru għall-Viżitaturi. Dan iċ-ċentru se jippromwovi l-aċċessibilità għat-torri u se joffri informazzjoni relatata mal-istudji tat-torri.
Mibni fl-1895 mill-forzi Brittaniċi, dan it-torri tal-arloġġ huwa monument prominenti fil-lokalità tal-Mtarfa u sors kbir ta’ sens ċiviku. Wara dan iż-żmien kollu, l-arloġġ innifsu għadu jaħdem f'kundizzjoni perfetta, iżda l-istruttura kienet teħtieġ xogħol ta’ restawr.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-proġett, parti mill-istorja arkitettonika ta’ pajjiżna u ġawhra b’mod speċjali għan-nies tal-lokal, huwa eżempju ċar dwar kif il-fondi Ewropej qed jiġu użati biex jgħollu l-livell storiku u turistiku tal-lokalitajiet. “B’dan il-proġett irridu li t-torri tal-arloġġ tal-Mtarfa jkun attrazzjoni turistika unika f’din in-naħa ta’ Malta,” qal il-Ministru Silvio Schembri.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ madwar €1,076,172 b’ko-finanzjament ta’ Fondi Ewropej, li minnhom madwar €600,000 ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “Bl-għajnuna tal-Fondi Ewropej dan il-proġett se joffri wkoll opportunità lill-artisti lokali u barranin biex joħolqu ideat u proġetti li jistgħu jiġu esebiti fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi, u b’hekk dan il-proġett se jgħin ukoll lil pajjiżna fis-settur tat-turiżmu kulturali ta’ Malta,” qal is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Is-Sindku tal-Imtarfa Kyle Mifsud tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li se jkollu impatt favur l-aspetti soċjali, ekonomiku u ambjentali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en