STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAX-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI U L-IPPJANAR Spazju miftuħ ġdid għall-komunità ta’ San Ġwann
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi attenda għall-iffirmar ta' ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta' San Ġwann. Permezz ta' dan il-ftehim qed isir investiment ieħor fi spazju miftuħ, din id-darba fil-lokalità ta' San Ġwann.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif “Permezz ta' dan il-proġett li se jsir fi Ġnien George Zarb, qed inkomplu naħdmu sabiex inkomplu nittrasformaw aktar żoni li kienu jinsabu fi stat mitluq f'ġonna u spazji miftuħa għat-tgawdija tal-komunitajiet tagħna."
Il-Ministru kompla li dan huwa proġett ieħor minn kullana ta' proġetti li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq f'diversi lokalitajiet sabiex, b'kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet tagħna.
Is-Sindku ta' San Gwann, Trevor Fenech qal li “Permezz ta' dan l-investiment, qed inkomplu naħdmu flimkien biex ikollna aktar spazji miftuħa f'San Ġwann u ambjent aħjar għal kulħadd. Dan il-proġett se jkun qed jittrasforma Ġnien George Zarb sabiex ikun ġnien komplut bil-faċilitajiet kollha u aċċessibbli għal kulħadd."
Ix-xogħlijiet ta' tisbiħ u rinnovar li se jsiru f'dan il-Ġnien jikkonsistu f'xogħlijiet ta' skavar u bini ta' ġibjun tal-ilma, xogħol ta' pavimentar, installazzjoni ta' servizzi taħt l-art, installazzjoni ta' sistema ta' irrigazzjoni awtomatika, installazzjoni ta' għamara ta' barra u xogħlijiet oħra ta' landscaping.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en