STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Prosteżi tal-idejn irħas, eħfef u aktar effiċjenti
Ir-riżultati tal-proġett MAProHand flimkien ma' prototip ġew ippreżentati waqt konferenza fl-Esplora, li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Permezz tal-proġett MAProHand (Minimal Anthropomorphic Prosthetic Hand) ġie żviluppat qafas mekkaniku għal id prostetika li tixbaħ l-id umana. Tliet dipartimenti mill-Università ta' Malta kkollaboraw flimkien f'dan il-proġett: id-Dipartiment tal-Inġinerija Mekkanika; id-Dipartiment tas-Sistemi u l-Inġinerija; u d-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali li ssieħbu mal-Orthopaedic Centre Malta Ltd biex jiżviluppaw id prostetika għal skop kummerċjali.
Dan il-proġett irċieva madwar €200,000 f'fondi permezz tal-Programm tal-R & I Fusion, iffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST). Minbarra li dan il-proġett ippermetta li tiġi żviluppata din l-id prostetika fi żmien qasir ħafna, ta lok lill-konsorzju li jimpjega riċerkaturi full-time biex iwettqu x-xogħol analitiku li huwa meħtieġ biex twettaq proġett ta' dan it-tip.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti laqa' dan il-proġett fejn stqarr li riċerka bħal din li qed issir f'Malta tista' wkoll tħalli impatt kbir f'pajjiżi oħra. “Qed naħdmu biex intejbu r-riċerka li qed issir f'Malta. Il-Gvern diġà joffri diversi opportunitajiet ta' skemi u finanzjament sabiex intejbu r-riċerka lokali u nsaħħu l-kollaborazzjonijiet ma' pajjiżi oħra. Madanakollu, se nkomplu noffru aktar opportunitajiet għall-industrija lokali sabiex twettaq ir-riċerka tagħha u tkabbar l-operat tagħha."
Filwaqt li feraħ lid-dipartimenti fi ħdan l-Università ta' Malta li kienu involuti fil-proġett, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti rringrazzja lill-MCST tar-rwol fundamentali li jħaddan fl-industrija tar-riċerka f'Malta bl-għotjiet mogħtija u l-assistenza professjonali provduta għal proġetti li jistgħu jkunu utli għal ħafna nies.
Iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese qal, “L-MCST jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni bħala wieħed mill-mezzi biex noħolqu u niddiversifikaw l-attività ekonomika, u b'hekk jiġi ġġenerat il-ġid ekonomiku. Il-formazzjoni ta' konsorzji, bħal dak li qed imexxi dan il-proġett, flimkien ma' msieħba oħra li qed jikkontribwixxu għal din il-ħidma kollaborattiva, mhumiex biss utli, iżda essenzjali." Huwa saħaq li meta l-entitajiet pubbliċi jikkollaboraw ma' entitajiet privati, fejn jaqsmu l-għarfien u r-riżorsi bejn iż-żewġ naħat, iwassal sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.
Min-naħa tiegħu, il-Prof Michael A. Saliba, li mexxa l-proġett MAProHand qal, “Ninsabu ferm kuntenti bir-riżultati li ksibna, partikolarment li l-id prostetika li fiha numru żgħir ħafna ta' ġogi, jekk jiġu ddisinjati tajjeb, tista' twettaq ħafna mill-funzjonijiet tal-id fl-attivitajiet ta' kuljum."
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en