STQARRIJA MINN DR LYDIA ABELA Fil-Jum Internazzjonali għan-Nisa Dr Lydia Abela żżur kumpanija mwaqqfa bil-ħsieb li tħeġġeġ iżjed nisa jwettqu l-ħolm tagħhom
F'avveniment li organizza t-tim ta' 'Female Switch', mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela kellha l-opportunità tisma' dwar l-esperjenzi ta' diversi nisa li għamlu użu mil-logħba 'Female Switch' sabiex jeqilbu l-ħolm tagħhom f'realtà.
Fil-Jum Internazzjonali għan-Nisa u taħt saqaf wieħed fil-Mellieħa, is-Sinjura Abela qalet li permezz ta' din l-idea mhux talli n-nisa fid-dinja tax-xogħol qegħdin jiżdiedu u jiftħu n-negozju tagħhom, imma iżjed minn hekk li qed ikunu fuq quddiem nett ta' dak li qed titlob l-industrija llum il-ġurnata: l-intelliġenza artifiċjali.
“In-nisa qegħdin ikunu ta' eżempju ta' ħaddieħor ukoll f'dan il-qasam u bl-ideat li qed joħorġu bihom għaliex kulħadd jista' jħossu mwaħħal fil-bidu meta jkollu ħolma. Permezz ta' 'Female Switch', kull min jagħmel użu minn din il-logħba żviluppata minn mara li ħolqot għadd ta' proġetti permezz tal-intelliġenza artifiċjali, qiegħed jeqleb il-ħolm tiegħu li jibda negozju f'realtà," qalet Dr Abela.
Lydia Abela rrimarkat ukoll dwar inizjattivi li embarka fuqhom il-Gvern f'dawn l-aħħar snin u li llum il-ġurnata tassew qegħdin naraw il-frott tagħhom. “L-użu b'xejn taċ-childcare centres f'pajjiżna narawh iħalli l-frott tiegħu fi ġranet bħal dawk tal-lum. Permezz tas-servizz li jingħata b'xejn, iżjed nisa qed ikollhom ċans mhux biss jidħlu fid-dinja tax-xogħol, iżda li jiżviluppaw l-ideat kreattivi tagħhom u joħolqu proġetti li l-industrija tant hija għatxana għalihom," stqarret Dr Abela.
'Female Switch', żviluppata minn Violetta Shishkina, hija logħba immersiva li toffri sistema ta' simulazzjoni fejn min qed jagħmel użu minnha jkun jista' joħloq ambjent surreali bil-għan li jibda n-negozju tiegħu mill-bidu nett. Il-logħba hija maħluqa biex min għandu idea dwar kwalunkwe negozju jidħol f'dinja fittizja u jitgħallem idawwar l-isfidi li jitlaqa' magħhom f'opportunitajiet ta' suċċess.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija 'Female Switch' is-Sinjura Shishkina qalet li huwa importanti li jkollna iżjed nisa mudelli għal nisa oħra fl-imprenditorjat. Fissret kif dan il-proġett b'teknoloġija emerġenti jagħti spazju biex iżjed nisa jistgħu jwettqu l-ħolm tagħhom u jidħlu fid-dinja tan-negozju.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en