STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U L-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX Il-Gvern f’diskussjoni dwar it-trasport mal-istakeholders f’Għawdex
Imħabbra skeda estiża għall-Fast Ferry
Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri pparteċipaw f’diskussjoni wiegħsa ma’ diversi stakeholders f’Għawdex dwar l-isfidi relatati mat-trasport, partikolarment f’din il-gżira.
Dawn il-laqgħat bit-titlu ‘Deċiżjoni b’direzzjoni: djalogu dwar trasport u mobilità’, immexxija mill-konsulent u akkademiku Prof. Gordon Sammut, qed jinvolvu l-partijiet interessati kollha u l-laqgħat qed jiffukaw primarjament fuq l-effiċjenza tat-trasport pubbliku u s-servizzi waqt il-‘peak hour’.
Waqt id-diskussjoni ssemma wkoll is-servizz tal-Fast Ferry fejn il-ministri ħabbru li, sakemm jiġi deċiż il-PSO li tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u sabiex t-tali servizz ma jiqafx, min-nhar l-Erbgħa 8 ta’ Marzu 2023 il-Gvern ser ikun qed joffri dan is-servizz bi skeda estiża. L-iskeda hi intiża li taqdi primarjament lill-ħaddiema u studenti Għawdxin kif ukoll dawk kollha li se jkunu qed jużaw dan is-servizz għal skop jew ieħor.
Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza l-importanza tas-servizz tal-Fast Ferry fejn stqarr li, “Dan is-servizz huwa obbligu soċjali lejn Għawdex u r-residenti tal-gżira u għalhekk min-nhar l-Erbgħa se tibda skeda estiża li taqdi l-bżonnijiet tal-istudenti, il-ħaddiema u kull min juża s-servizz."
Il-Ministru Aaron Farrugia stqarr li, “Nifhmu kif ir-realtajiet tal-gżira Għawdxija huma differenti minn dawk ta’ Malta. Kien għalhekk li llum ġejna fil-gżira Għawdxija biex nifhmu u nitkellmu mal-imsieħba u nisimgħu dak li jridu jgħidulna. Inħarsu ’l quddiem biex nieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex anke hawn insaħħu l-mobilità.” Huwa talab l-istakeholders sabiex jiġu lura bil-proposti tagħhom b’mod formali.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en