STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Investiment f’erba’ magni tal-ECG favur aktar servizzi lill-anzjani
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità kompliet tespandi s-servizzi li jingħataw lill-anzjani fid-Djar Residenzjali tal-Gvern permezz ta' investiment f'erba' magni tal-ECG. Dan tħabbar f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fejn sostna li b'hekk aktar anzjani se jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-Electrocardiogram, servizz li huwa kruċjali fl-evalwazzjoni u d-dijanjosi tal-mard tal-qalb.
Ġie spjegat li dan it-test se jingħata darba fis-sena lil kull resident fid-djar residenzjali tal-Gvern. It-tagħmir ser jintuża bħala għodda ta' screening ta' ċertu kundizzjonijiet tal-qalb kif ukoll sabiex tinħareġ dijanjosi tal-kundizzjonijiet mingħajr il-ħtieġa li l-anzjani jintbagħtu l-isptar Mater Dei. Il-ministru tenna li dan it-tagħmir ġdid se jikkumplimenta l-kampanja li tnediet ftit tax-xhur ilu 'Say No to Stroke' – 'Ngħidu Le għall-Puplesija', biex b'hekk jinqabdu aktar kundizzjonijiet tal-qalb u jiġu trattati fil-ħin.
“Il-Gvern kommess li jkompli jtejjeb il-kura preventiva kif ukoll il-kura paljattiva fid-djar tal-anzjani. Dan l-investiment li qed inħabbru llum ser jgħin biex inkunu nistgħu nidjanjostikaw kundizzjonijiet tal-qalb li jżidu riskju għall-puplesija u b'hekk innaqqsu r-rata ta' diżabilità fir-resident," stqarr il-Ministru Abela.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll kif is-servizz ta' kura paljattiva ġie estiż għad-Dar Residenzjali tal-Mellieħa. Dan wara li dan is-servizz beda jingħata bħala parti minn proġett pilota fid-Dar Residenzjali tal-Imtarfa fil-bidu tal-2022, sabiex aktar tard tul is-sena ġie estiż fid-djar residenzjali tal-Mosta u l-Furjana.
Ġie spjegat li l-kura paljattiva tingħata lir-resident li jkun qed ibati minn xi kundizzjoni kronika u wasal fl-aħħar stadji ta' ħajtu, bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti f'kull stadju tal-proċess tal-marda, mid-dijanjosi 'l quddiem, filwaqt li tappoġġja wkoll lill-familji tagħhom.
“Min-naħa ta' kura paljattiva, il-Gvern ser ikompli jinvesti f'edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema tagħna bl-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja lil dawk l-anzjani li jkollhom bżonn din il-kura fl-aħħar ta' ħajjithom," temm jgħid il-Ministru Abela.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en