STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI, IL-VOLONTARJAT U D-DRITTIJIET TAL-KONSUMATUR U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA
Titnieda t-tielet sejħa tal-iskema ta' għajnuna biex għaqdiet volontarji jinvestu f'sistemi effiċjenti fl-enerġija u l-ilma
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma talloka €2.5 miljun fuq ħames sejħiet
L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) nediet it-tielet sejħa ta' skema ta' €2.5 miljun sabiex tgħin għaqdiet volontarji jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ilma u jsiru aktar sostenibbli.
Mill-ewwel ġimgħa ta' Mejju, għaqdiet volontarji se jkunu jistgħu jerġgħu japplikaw għal din l-iskema b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat. F'din it-tielet sejħa minn ħamsa, l-għaqdiet se jkunu jistgħu jirċievu sa 90% tal-ispiża tal-proġetti li jwettqu biex isiru effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ilma, sa massimu ta' €27,000.
Matul it-tnedija ta' din l-iskema, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli spjegaw li għaqdiet volontarji bħal klabbs sportivi, klabbs soċjali u għaqdiet ambjentali, fost l-oħrajn, jistgħu japplikaw għal din l-iskema biex jinvestu f'teknoloġiji u prattiċi effiċjenti bħal sistemi ta' enerġija rinnovabbli, installazzjonijiet ta' dwal effiċjenti jew restawr ta' bjar u ġibjuni, fost oħrajn.
Permezz ta' sejħiet preċedenti ta' din l-iskema, il-gvern diġà għen madwar 30 għaqda volontarja, li jvarjaw minn organizzazzjonijiet sportivi, soċjali u anke ambjentali.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet “Irridu li pajjiżna jkun aktar sostenibbli, f'kull qasam tal-ħajja tagħna. Il-ħidma ambjentali lejn Malta aktar sostenibbli u lejn il-mira ewlenija tan-newtralità fil-klima hija l-missjoni ta' kulħadd. Għalhekk li l-gvern qiegħed ikompli jgħin lill-għaqdiet volontarji biex isiru aktar sostenibbli fix-xogħol imprezzabbli li jagħmlu fil-komunitajiet tagħna."
Min-naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet dwar l-importanza li jkomplu jibnu settur volontarju sostenibbli. “Il-proġetti u l-inizjattivi li nixtiequ nkunu qegħdin inwieżnu permezz ta' din l-iskema għandhom l-għan li jsaħħu tliet pilastri importanti f'pajjiżna – is-soċjali, l-ambjent u l-ekonomija. Permezz tagħhom jibqa' t-tir tagħna li jkunu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies mhux biss għall-benefiċjarji tal-lum iżda anki għal ġenerazzjonijiet futuri."
Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat li l-mijiet ta' għaqdiet volontarji f'pajjiżna huma l-aħjar ambaxxaturi biex bħala pajjiż inwasslu l-messaġġ ta' sostenibbiltà u ta' soċjetà li verament trid tagħti sehem pożittiv dwar il-ħarsien ambjentali.
L-Inġ. Charles Buttigieg, Chief Officer Stakeholder Support tal-EWA u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandalo tkellmu dwar din l-iskema u spjegaw kif se jsiru laqgħat onlinebiex l-għaqdiet isiru jafu aktar dwar il-benefiċċji tagħha.
Aktar tagħrif dwar l-iskema u l-proċess tal-applikazzjoni jinsab fis-sit ta' EWA energywateragency.gov.mt u fis-sit ta' MCVS vofunding.org.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en