STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI Qed tinbena mill-ġdid Triq tas-Sejba fl-Imqabba: triq kruċjali għall-konnettività bejn tlett irħula
Għaddejjin xogħlijiet minn Infrastructure Malta fi Triq tas-Sejba fl-Imqabba wara li sofriet ħsarat estensivi. Din it-triq kienet qed tintuża bħala rotta ta' devjazzjoni minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin biswit l-ajruport u hija waħda kruċjali għall-konnettività, b'mod partikolari għar-residenti tal-Imqabba, il-Qrendi u s-Siġġiewi. Permezz ta' investiment ta' €1.5 miljun, l-aġenzija qed tibni struttura indipendenti għal din it-triq b'pedamenti msaħħa.
Ġie spjegat li t-triq innifisha kienet f'riskju li tiġġarraf u għaldaqstant, fid-dawl ta' dan id-dannu għas-sigurtà pubblika, Infrastructure Malta llimitat l-aċċess għall-vetturi f'din iż-żona u bdiet ix-xogħlijiet meħtieġa ta' konsolidazzjoni u rikostruzzjoni tat-triq immedjatament.
Waqt żjara li għamel f'din it-triq flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta Ivan Falzon, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia enfasizza li s-sigurtà tar-residenti u dawk li jaħdmu fil-garaxxijiet f'din it-triq, kien ta' prijorità assoluta.
“Numru ta' residenti u ħaddiema fl-inħawi qalulna kif din it-triq ġarrbet numru ta' ħsarat matul is-snin iżda dejjem sar xogħol temporanju fuq l-istess ħsara. Kien għalhekk li ttieħdet id-deċiżjoni li din id-darba x-xogħol li jsir ikun wieħed li jieħu aktar fit-tul iżda jservi ferm aktar. B'hekk mhux qed noffru biss serħan il-moħħ lil kull min juża t-triq, iżda wkoll qed nintervjenu issa għall-futur," stqarr il-Ministru Farrugia.
Fl-aħħar ta' Diċembru tas-sena li għaddiet, il-kuntrattur tal-aġenzija beda t-testijiet ġeotekniċi preparatorji fuq il-post qabel ma jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet strutturali meħtieġa. Dawn it-testijiet ikkonfermaw li t-triq kienet mibnija fuq sisien dgħajfa. Immedjatament wara, beda il-proċess tat-tħaffir biex jitpoġġew strutturi tal-konkos fil-forma ta' kolonni.
Il-pedamenti ġodda tat-triq, se jkunu magħmula minn 49 kolonna tal-konkrit rinforzat bl-azzar li jvarjaw minn 8.5 metri (3 sulari) sa 40 metru (12-il sular) fit-tul. Sa issa tpoġġew 60% ta' dawn il-kolonni f'posthom. Dawn il-kolonni se jkunu miksija bl-azzar biex ikun żgurat pedament aktar b'saħħtu għal din it-triq. Xogħlijiet oħra f'dan il-proġett jinkludu konnessjonijiet tad-drenaġġ, tat-telekomunikazzjoni u tal-elettriku mill-ġdid, qabel it-tqegħid ta' wiċċ ġdid tal-asfalt.
Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti x-xogħlijiet fit-tieni kwart ta' din is-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en