STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET Il-Ministru Silvio Schembri jindirizza l-India Europe Business and Sustainability Conclave fi New Delhi
Fost il-laqgħat li qed ikollu bħalissa fl-Indja, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri indirizza l-laqgħa plenarja tal-ministri li għaliha fost l-oħrajn kienu preżenti Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, Wopke Hoekstra, id-Deputat Prim Ministru tal-Olanda, u Piyush Goyal, Ministru għall-Kummerċ u Industrija tal-Indja.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri tkellem dwar il-progress li għaddiet u li tinsab għaddejja minnu Malta u kif Malta, bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea toffri diversi opportunitajiet ta' kummerċ lill-investituri Indjani.
Huwa semma li bħalissa Malta tospita 112 kumpanija Indjana li qegħdin joperaw f'pajjiżna u għalkemm Malta diġà bbenefikat mill-investiment Indjan, jeżistu aktar opportunitajiet ta' tkabbir ekonomiku f'oqsma bħalma huma dawk teknoloġiċi, farmaċewtika, avjazzjoni u l-industrija ċinematografika.
Il-Ministru Schembri spjega li Malta għandha t-tieni l-ogħla tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea u li dan minnu nnifsu għandu jservi ta' serħan il-moħħ għal dawk l-investituri Indjani li qed ifittxu opportunitajiet ta' tkabbir barra minn pajjiżhom.
Huwa sostna l-impenn tal-gvern li jgħin fit-tkabbir ekonomiku kemm jekk ġej minn investituri Indjani li qed ifittxu opportunitajiet ta' investiment f'pajjiżna kif ukoll ma' investituri Maltin li qed ifittxu opportunitajiet ta' esportazzjoni lejn l-Indja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en