STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet b’aktar ħidma biex tkompli tiġi indirizzata l-iskills gap
“Pajjiżna huwa impenjat li jżid l-isforzi biex tkun indirizzata d-differenza fil-ħiliet, dawk magħrufa bħala skills gap, li huma kkawżati mill-ħtiġijiet emerġenti ta' ekonomija li qed tikber u tinbidel b'pass mgħaġġel". Hekk stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt l-inawgurazzjoni ta' uffiċċji ġodda għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet (National Skills Council) f'Pembroke.
Il-Ministru spjega li l-għan primarju tal-Kunsill, li ġie elevat għal Korp Eżekuttiv, huwa li jibni rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-impjiegi, li għandhom iwasslu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki diversi fi sforz biex jitnaqqas id-distakk fil-ħiliet.
Il-Ministru Clifton Grima sostna li l-Kunsill se jmexxi direzzjoni strateġika li se tkun ibbażata fuq stħarriġ li jsir fis-setturi varji u se jkollu wkoll lir-rwol li jissuġġerixxi bidliet fil-politiki li jistgħu jgħinu biex jitnaqqas id-distakk attwali fil-ħiliet.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, Dr Jeffrey Pullicino Orlando, qal “Irridu nevalwaw u naħsbu mill-ġdid il-mod kif inħarsu lejn liema ħiliet huma meħtieġa fid-dinja tax-xogħol kemm dik tal-lum kif ukoll dik futura. Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kunsill beda jaħdem mill-qrib ma' diversi partijiet interessati fl-ekosistema tal-ħiliet ta' pajjiżna biex ikunu eżaminati x'inhuma l-aħjar prattiki, sfidi u opportunitajiet, biex jiġu inklużi fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Ħiliet".
Permezz tal-ħidma tal-Kunsill flimkien ma' sħab ewlenin oħra, Malta se ssaħħaħ l-impenn tagħha biex tindirizza dawn l-isfidi u għalhekk tiżgura li l-workforce ma tkunx ibbażata biss fuq kwalifiki, iżda wkoll b'aġenda ħolistika ta' ħiliet li huma meħtieġa mill-ekonomija. Hija ħidma li se tippromwovi wkoll kultura ta' tagħlim tul il-ħajja.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella enfasizza li l-iżvilupp u l-użu effettiv tal-ħiliet fis-setturi kollha tas-soċjetà huma importanti biex jissaħħu l-benesseri ekonomiċi u soċjali ta' pajjiżna għall-futur.
Il-mandat elevat ta' Korp Eżekuttiv li ngħata lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet jirrifletti l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi stabbilita s-sena 2023 bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li għaliha l-Kunsill se jaġixxi bħala Koordinatur Nazzjonali.
Il-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet se tkompli tiżgura li l-pajjiż ikollu pedament sod li fuqu jkompli jibni l-kompetittività ta' Malta u jappoġġja s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali futura.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en