STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Studenti fil-Fakultà tal-Mediċina se jieħdu taħriġ f’post tax-xogħol relatat mal-istudji tagħhom
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu sar qbil li studenti Universitarji mill-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija u mill-Fakultà tad-Dentistrija jkunu assenjati għal perjodu ta' taħriġ fl-Isptar San Vinċenz de Paul u faċilitajiet oħra madwar Malta, biex ikollhom taħriġ prattiku marbut mal-linja tal-istudju tagħhom. Ftehim li jwassal biex dawn l-istudenti jkollhom aċċess għal taħriġ kliniku tal-ogħla livell.
Il-ftehim bejn il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u l-Università ta' Malta, ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat l-importanza li studenti jkollhom dawn l-opportunitajiet li jipprattikaw dak li jkunu qed jitgħallmu permezz ta' perjodi ta' taħriġ f'post tax-xogħol relatat mal-istudji tagħhom.
Il-Ministru Clifton Grima faħħar il-ħidma li saret li wasslet għall-ftehim u qal, “Dan huwa t-tieni ftehim tax-xorta tiegħu li l-Università qed tiffirma f'ġimgħa waħda, li juri l-impenn fil-qasam edukattiv biex l-istudenti jingħataw l-opportunitajiet kollha li jeħtieġu biex ikollhom edukazzjoni li tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom minn kull livell possibbli."
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li mill-esperjenza tiegħu jaf kemm huwa essenzjali l-“bedside teaching." “Dan it-tip ta' tagħlim jgħin biex jifforma tobba ddedikati u profiċjenti. Iżda, huwa essenzjali wkoll li nagħfsu fuq oqsma ta' governanza tajba fil-mediċina u r-riċerka moderna. B'hekk, dan l-MOU li ġie ffirmat illum ser jgħin biex jagħti l-esperjenza meħtieġa lill-istudenti sabiex jkollhom xenarju reali u attwali," qal il-Ministru Abela.
Ir-Rettur tal-Università ta' Malta il-Professur Alfred J. Vella wera sodisfazzjon għall-ftehim iffirmat. Huwa sostna li, “l-Università ta' Malta hija kburija li qed tidħol f'dan il-ftehim mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, biex b'hekk l-istudenti mediċi jiksbu esperjenza u ħiliet billi jkunu esposti għal xenarji reali 'l barra mill-klassijiet." Il-Professur Vella kompla li dan il-ftehim huwa kruċjali għall-formazzjoni tal-professjonisti mediċi futuri ta' pajjiżna, filwaqt li sostna li l-Università qed tħares 'il quddiem biex tkompli ssaħħaħ dan il-legat mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en