STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U L-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IL-FONDI EWROPEJ U L-ARTIJIET
Ftehim għal trasferiment ta' art lil Luqa St Andrew's li minnu se jgawdu t-tfal u ż-żgħażagħ involuti fl-isport
Permezz ta' ftehim li ġie ffirmat illum, qed jissaħħaħ it-titlu legali li l-klabb tal-futbol Luqa St Andrew's għandu fuq l-art għal 45 sena ċens u b'hekk issa l-klabb qiegħed f'pożizzjoni ħafna aħjar biex jamministra din l-art. Il-ftehim għalhekk jippermetti lil dan il-klabb biex jokkupa l-art għal perjodu itwal ta' żmien, minn kirja ta' 25 sena kif kellu qabel, u b'hekk għandu inċentiv ewlieni biex jinvesti ħalli jkunu jistgħu jinbnew faċilitajiet state-of-the-art. Fost dawn, binja ġdida u moderna biex minnha jkun jista' jaħdem il-klabb. L-iffirmar tal-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċertka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.
Il-Ministru Grima qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-Gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f'kull livell. “Il-pjan u l-viżjoni tagħna huma ċari, dak li nsaħħu s-settur sportiv biex inkomplu ngħollu l-livell tal-isport f'pajjiżna, anki fil-livell ta' klabbs," qal il-Ministru Grima. Huwa tkellem dwar id-diversi skemi ta' għajnuna li qed jingħataw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi. “Il-ftehim tal-lum juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu, inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikompli jikbru," qal il-Ministru Grima.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri ftakar fi żmien li hu wkoll kien tifel jilgħab mal-Luqa St Andrew's iżda fi żmien fejn il-faċilitajiet kienu minimi. “Għalija u għat-tfal Luqin din tal-lum hija ħolma. Ħolma li issa saret realtà u minnha se jkunu qed igawdu wliedna," qal il-Ministru Silvio Schembri. Permezz tal-kuntratt iffirmat, illum se nkunu qegħdin intejbu d-deċiżjoni tal-2008, u permezz tad-Dipartiment tal-Artijiet fejn qed jingħata titlu fuq l-art għal 45 sena.
Pemezz tas-sussidju ta' 95% offrut mill-Gvern fuq l-akkwist ta' artijiet tal-Gvern biex jiġu konvertiti f'faċilitajiet sportivi, l-ammont totali ta' kera li l-klabb se jħallas fis-sena huwa ta' elfejn u tletin ewro (€2,030), minflok il-valur attwali ta' erbgħin elf u sitt mitt ewro (€40,600). Il-ħlas ta' kera jitpoġġa fi 'Sports Fund' u mbagħad il-flus jiġu utilizzati għal aktar investiment mill-ġdid fl-isport lokali. L-investiment imsemmi se jkun ta' benefiċċju wkoll għat-tfal u ż-żgħażagħ għaliex l-art li qed tiġi trasferita se sservi wkoll lin-nursery taż-żgħażagħ ta' Luqa St. Andrew's kif ukoll tfal li jattendu l-iskola fil-qrib waqt il-ħinijiet tal-iskola.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en