STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Workshop dwar informazzjoni miġbura mill-ispazju biex tintuża f’setturi varji
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST), f'kollaborazzjoni ma' EURISY – għaqda tal-aġenziji spazjali, organizza workshop u laqgħa ta' informazzjoni bit-titlu “e-shape solutions: Unlocking the potential of Earth Observation data for climate change and urban areas".
Dan l-avveniment ittella' sabiex jippromwovi l-użu ta' informazzjoni miġbura mill-ispazju permezz tal-Osservazzjoni mis-Satelliti biex tintuża f'diversi proġetti inkluż dawk relatati mal-klima u l-ilma, kif ukoll l-importanza tal-użu ta' din l-informazzjoni fl-operat ta' kuljum ta' entitajiet li jaħdmu fil-qasam. Ġew preżentati wkoll proġetti pilota li juru kif l-informazzjoni miġbura tista' tiġi aċċessata mill-partijiet interessati.
Waqt il-workshop ipparteċipaw diversi mistiedna minn diversi entitajiet Maltin u organizzazzjonijiet Internazzjonali fosthom l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSPA) kif ukoll il-European Association of Remote Sensing Companies (EARSC), fejn ippreżentaw ix-xogħol tagħhom dwar ix-xjenza tal-Osservazzjoni mis-Satelliti.
Fid-diskors tiegħu waqt il-workshop, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza dwar ix-xogħol li qed iwettaq il-gvern biex jippromwovi inizjattivi relatati mal-ispazju, fejn kull sena qed ikompli jżid il-budget fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni.
“Permezz tal-ftehim ta' kooperazzjoni li għandna mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (l-ESA), sas-sena d-dieħla Malta se tingħaqad f'pjan biex tikkollabora ma' pajjiżi oħra Ewropej biex pajjiżna ikompli jkollu opportunitajiet ġodda fil-qasam spazjali," qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCST Silvio Scerri laqa' l-imsieħba preżenti u esprima l-fatt li hemm numru ta' possibilitajiet fl-użu tat-teknoloġija fil-qasam tal-ispazju li jista' jwassal għal tkabbir ekonomiku f'diversi setturi. “Ħafna mill-attivitajiet tagħna ta' kuljum jiddependu fuq il-konnettività tas-satellita u l-informazzjoni li toħroġ minnha tista' twassal għal diversi benefiċċji fosthom ambjentali, kif ukoll ekonomiċi," sostna s-Sur Scerri filwaqt li kompla jispjega li dawn is-satelliti joffru informazzjoni preċiża fuq diversi suġġetti u għaldaqstant jistgħu jkunu ta' benefiċċju għal min jkun qed ifassal policies varji.
L-avveniment serva wkoll bħala opportunità għal networking u aktar kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali fil-qasam tax-Xjenza tal-Osservazzjoni mis-Satelliti.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista' jżur is-sit web: http://mcst.gov.mt/space-directorate/ jew jibgħat email fuq space.mcst@gov.mt.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en